Deċiżjoni dalwaqt dwar il-kuntratt tal-VGH mat-Technoline

L-ILLUM tiżvela li Steward Health Care, wara proċess twil, waslet biex tikkonkludi l-iskrutinju tal-kuntratt esklussiv li l-VGH iffirmat mat-Technoline għax-xiri tat-tagħmir mediku ta' tliet sptarijiet

 

It-tmexxija ta' Steward Healthcare tiltaqa' mal-PM Joseph Muscat
It-tmexxija ta' Steward Healthcare tiltaqa' mal-PM Joseph Muscat

Il-gazzetta ILLUM tista’ tiżvela li riesaq lejn it-tmiem l-iskrutinju li Steward Health Care qed tagħmel fuq il-kuntratt esklussiv li l-VGH kienet iffirmat ma' Technoline LTD u li permezz tiegħu, din l-istess kumpanija ħadet f'idha l-proċess kollu għax-xiri tat-tagħmir mediku.

Kelliema għall-kumpanija Steward, li għandha f'idejha t-tmexxija tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u l-isptarijiet San Luqa u Karin Grech, ikkonfermat li d-deċiżjoni dwar jekk Technoline hux se tibqa’ responsabbli mix-xiri tal-apparat mediku għat-tliet sptarijiet, mistennija tittieħed fil-ġimgħat li ġejjin.

“Qed naħdmu kemm nistgħu biex l-iskrutinju fuq dan il-kuntratt partikolari jkun konkluż fil-ġimgħat li ġejjin,” saħqet il-kelliema.

Il-kelliema għal Steward Health Care kompliet tispjega mal-gazzetta ILLUM li anke jekk ikun hemm raġunijiet validi, il-kumpanija ma tistax taqbad u twaqqaf il-kuntratt li l-VGH iffirmat mat-Technoline ġaladarba meta ħadet il-konċessjoni, din wirtet il-kuntratti kollha li daħlet fihom il-VGH u li jorbutha legalment.

Saħqet li l-proċess kien wieħed twil, tant li beda sitt xhur ilu, immedjatament meta Steward ħadet f’idha t-tmexxija tal-isptarijiet u kien jinkludi esperti legali, finanzjarji u oħrajn li jispeċjalizzaw fl-għoti tal-kuntratti.

Intant, kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa kkonfermat ukoll mal-ILLUM li Steward ikkonkludiet l-iskrutinju ta’ aktar kuntratti li ffirmat il-VGH.

Il-kuntratt esklussiv li l-Vitals Global Healthcare kienet iffirmat mal-kumpanija Technoline kien qajjem ftit tal-mistoqsijiet mhux ħażin, anke għax kien ifisser li kumpaniji oħra li bħat-Technoline jipprovdu tagħmir mediku qed ikollhom jgħaddu minn idejn il-kompetitur tagħhom jekk ikunu jridu jbigħu lill-VGH.

Fil-fatt, sorsi li tkellmu mal-ILLUM, kienu ddeskrivew dan il-kuntratt bħala "kunflitt ta' interess."

Technoline tbiddel apparat 'ġdid'

Apparti minn hekk, sorsi oħra kienu spjegaw ma' din il-gazzetta kif minkejja li bejn l-2013 u l-2014 il-Gvern kienu għadu kemm xtara ammont sostanzjali ta' apparat mediku, Technoline LTD kienet tqabbdet tbiddel ammont minn dan it-tagħmir minkejja li kien għadu 'fi stat tajjeb.'

Fil-fatt, fit-18 ta' Frar li għadda, l-ILLUM kienet analizzat ħames tenders li kienu nħarġu mill-Gvern bejn Ottubru tal-2013 u Mejju tal-2014 għax-xiri ta' apparat mediku għall-Isptar Ġenerali ta' Għawdex. B'kollox, f'dawn it-tmien xhur, il-Gvern kien investa aktar minn €3.6 miljun f'apparat mediku għall-Isptar ta' Għawdex. Inqas minn sentejn wara, il-Gvern kien biegħ lill-VGH dan l-apparat u ieħor li kien diġà jeżisti qablu, għal €1.

Ivan Vassallo, MMXVI u Brian Tonna

Is-sid tal-kumpanija Technoline LTD huwa Ivan Vassallo. Sa ftit xhur qabel mal-kumpanija ħadet il-kuntratt mal-VGH, l-istess Vassallo kien marketing manager tagħha iżda fi ftit xhur, permezz tal-kumpanija Gateway Solution, kien xtara l-kumpanija bl-assi kollha tagħha mingħand iż-żewġ sidien oriġinali.

Isem Vassallo kien jidher ukoll bħala direttur ta' tliet kumpaniji oħra iżda spikka l-aktar fil-kumpanija MMXVI hekk kif wieħed mill-azzjonisti tagħha kien Brian Tonna ta' Nexia BT, l-istess kumpanija li kienet għenet lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff Keith Schembri, biex fetħu kumpaniji fil-Panama.

L-unika informazzjoni li kienet teżisti dwar din il-kumpanija kienet li twaqqfet fit-12 ta' Frar tal-2016 u li kien beda l-proċess biex tiġi xolta. L-indirizz tagħha kien 30, Triq Santa Marija Ħal Luqa, iżda kuntatt tagħha qatt ma deher imkien.

Mas-sit Lovin Malta, Vassallo kien qal li waqqaf din il-kumpanija biex tagħmel xogħol dwar teknoloġija tal-ġenetika iżda għax qatt ma qabdet kien iddeċieda li jxoljiha.

Il-VGH, il-misteri li dawruha u xiri tal-apparat mediku

Il-Vitals Global Healthchare u l-kumpanija Technoline kienu ħabbru li daħlu fi ftehim flimkien fit-22 ta' Lulju tal-2017, wara li l-VGH kienet rebħet il-konċessjoni għat-tmexxija tat-tliet sptarijiet fis-27 ta' Ġunju tal-2015.

Bla esperjenza...

Qabel dan iż-żmien ftit kien magħruf dwar din il-kumpanija u mill-ewwel intefa' dubju fuq x'esperjenza kellha fis-settur tas-saħħa, minkejja li wieħed mid-diretturi, Ram Tumuluri, kien assigura li l-kumpanija kellha l-esperjenza meħtieġa.

Madanakollu kienet il-gazzetta ILLUM li żvelat kif Ram Tumuluri, li kien qed jieħu ħsieb l-operat ta' VGH Global Healthcare f'pajjiżna, ma kellu l-ebda esperjenza fil-qasam tas-saħħa u wisq inqas esperjenza ta' suċċess fin-negozju. Fost oħrajn kienet żvelat kif żewġ kumpaniji li kien imexxi kellhom jiġu xolti, waħda għax ma kinitx konformi mal-liġi u l-oħra għax falliet.

F'Mejju tal-2016, Daphne Caruana Galizia kienet allegat ukoll li Tumuluri kellu ‘rabtiet mill-qrib ma’ uffiċjali għoljin Maltin’ u li l-proġett kien inbeda wara li l-eks Kummissarju Ewropew John Dalli kien tela’ Dubaj, anke jekk Dalli dejjem ċaħad l-allegazzjonijiet.

Sid anonimu...

Mhux hekk biss imma lanqas ma kien ċar min hu s-sid tal-kumpanija. Kien sar magħruf biss li  Vitals hija proprjetà ta’ Oxley Capital PTE Limited (Group), kumpanija rreġistrata f’Singapore. Din kellha sehem fil-kumpanija Bluestone li kellha lil Mark Edward Pawley u lil Ram Tumuluri bħala diretturi. Din il-kumpanija kienet il-'holding company' ta’ Vitals, jiġifieri kumpanija li tikkontrolla kumpanija oħra, f’termini ta’ politika u amministrazzjoni.

L-uniku azzjonist tal-kumpanija Bluestone kien anonimu anke jekk Vitals dejjem saħqet li l-benefiċċjarju huwa Pawley. L-indirizz ta' dan il-benefiċċjarju bla isem kien fil-British Virgin islands.

...iżda kollox jibqa' miexi

Minkejja dawn id-dubji kollha, il-ftehim bejn il-Gvern u l-VGH kien iffirmat f'Marzu tal-2016.

Il-ftehim oriġinali kien jorbot lill-kumpanija biex tagħmel investiment ta' €200 miljun f'sentejn, anke jekk baqa' mhux magħruf x'wettqet il-Vitals, ġaladarba wara biss 21 xahar (jew 30 sena qabel skada l-kuntratt), fil-21 ta' Diċembru 2017 faqqgħet l-aħbar li din biegħet il-konċessjoni tagħha lil Steward Health Care.

Paġni suwed u flus ħerġin...

Minkejja li 28 paġna mill-kuntratt kienu ġew iċċensurati, il-gazzetta ILLUM kienet żvelat kif minkejja li l-VGH kellha tagħmel dan l-investiment kollu u anke minkejja li t-Technoline kellha kuntratt esklussiv għax-xiri tat-tagħmir mediku, il-Gvern kien baqa' jixtri għall-isptar ta' Għawdex

Sorsi kienu spjegaw kif minkejja li f'partijiet tal-kuntratt hemm iswed fuq l-abjad li huwa l-konċessjonarju li għandu jinvesti fit-tagħmir u f'teknoloġija ġdida, partijiet oħra ċċensurati jinkludu klawżoli li jgħidu li l-Gvern qabel li jibqa' joħroġ l-ispiża rikorrenti għall-Isptar ta' Għawdex. Qabel li kull sena joħroġ l-ewwel €1.8 miljun u magħhom iżid persentaġġ li jkun ikopri l-inflazzjoni.

Fil-fatt, fil-25 ta' Frar 2018, din il-gazzetta kienet analizzat tender maħruġ fit-30 ta' Jannar 2018 għax-xiri ta' apparat mediku għall-Isptar ta' Għawdex biex jintuża fl-operazzjonijiet, fosthom dawk li jsiru bil-proċedura inqas invażiva tal-laparoscopy.

 

More in Politika