31,000 ħaddiem fit-turiżmu fl-2017... żieda ta’ 8,000 sal-2028
- 28% tal-ħaddiema f’Malta jiddependu, direttament jew indirettament, fuq it-turiżmu
- Is-sehem dirett tat-turiżmu għall-GDP mistenni jiżdied bi 2.5% din is-sena
- L-infieq tat-turisti mistenni jitla’ għal €2.7 biljun
minn Albert Gauci Cunningham
Mit-turiżmu jiekol kulħadd jgħidu. Forsi mhux kulħadd imma ċertament li ħafna u ħafna Maltin jaqilgħu l-għixien tagħhom direttament jew indirettament mit-turiżmu. Fil-fatt fl-2017, 15.7% tal-ħaddiema kollha f’pajjiżna kienu jaħdmu direttament fil-qasam turistiku biex pajjiżna, fil-11-il post fid-dinja, huwa fost l-aktar pajjiż li fih persuni huma direttament impjegati fil-qasam turistiku. Dan ifisser illi 15.7% jaħdmu f’lukandi, linji tal-ajru u aġenziji tal-ivvjaġġar, fost oħrajn.
Fl-2017, 31,000 persuna kienu impjegati direttament fil-qasam turistiku, bi tnaqqis żgħir mistenni jkun reġistrat din is-sena. Sa 10 snin oħra iżda huwa mistenni li direttament fil-qasam turistiku jkun hemm jaħdmu 20% tal-impjegati kollha tal-pajjiż, li huwa 4.3% iktar mill-preżent. Dan jindika allura illi din l-industrija se tibqa’ tikber fis-snin li ġejjin.
Dawn iċ-ċifri jpoġġu lil Malta fost l-aktar pajjiżi illi fihom (ras għal ras) hemm persuni jaħdmu f’dan is-settur, fil-fatt f’pajjiżna hawn 10% iktar mill-medja fl-Unjoni Ewropea li tammonta għal 5.1%.
Iċ-ċifri tal-Kunsill għall-Ivvjaġġar u Turiżmu Dinji (WTTC) li kienu żvelati fir-rapport ‘Travel and Tourism: Economic Impact 2018 – Malta’ juru illi fl-2017 pajjiżna kklassifika fit-22 post fid-dinja f’dak li jirrigwarda persentaġġ ta’ persuni li direttament jew indirettament jaħdmu fit-turiżmu. Fil-fatt it-turizmu jiġbor fih total ta’ 28.3% tal-ħaddiema f’pajjiżna li xogħolhom jiddependi mit-turiżmu, direttament jew indirettament. L-impjiegi “indiretti” jinkludu dawk li huma parti mill-katina ta’ fornituri li jmissu, jiggwadanjaw u sa ċertu punt jiddependu mit-turiżmu.
Il-persentaġġ ta’ nies fl-2017 li direttament jew indirettament kienu jaħdmu fit-turiżmu f’pajjiżna huwa madwar 15% iktar mill-medja fl-UE, li kienet tammonta għal 11.7%.
Pajjiżi fejn il-persentaġġ ta’ nies li jaħdmu fit-turiżmu huwa inqas minkejja illi huma destinazzjonijiet turistiċi ewlenin huma l-Greċja (24.8%), Spanja (15.1%), l-Italja (14.7%) u t-Tuneżija (13%).
Intant iżda, kuntrarjament għall-kompetituri tagħna din is-sena Malta mistennija tesperjenza tnaqqis marġinali ta’ 0.4% fil-persentaġġ ta’ dawk li jaħdmu direttament fit-turiżmu. Min-naħa l-oħra, il-Greċja mistennija tesperjenza żieda ta’ 5.2%, il-Libanu 4.7%, it-Tuneżija 4% u t-Turkija 3.5%.
Minkejja dan, il-previżjonijiet tal-WTTC juru illi fl-10 snin li ġejjin l-impjiegi diretti fit-turiżmu f’Malta se jiżdiedu għal 20% filwaqt li l-kontribuzzjoni totali tat-turiżmu fil-qasam lokali tal-impjiegi se titla’ għal 35%.
Intant il-kontribuzzjoni diretta ta’ dan is-settur għall-Prodott Gross Domestiku (GDP - jew il-ġid kollu li jinħoloq f’pajjiż) fl-2017 kienet ta’ 14.2%, li jpoġġi lil pajjiżna fl-14-il post fid-dinja, bil-Marokk, il-Greċja, it-Tuneżija u l-Italja kollha warajna. Il-kontribuzzjoni totali, li tinkludi allura l-attività indiretta tat-turiżmu, kienet ta’ 27% mill-GDP, li jpoġġi lil Malta fl-24 post fid-dinja.
Intant huwa mistenni, skont dan ir-rapport, illi din is-sena l-kontribut dirett tat-turiżmu għall-GDP jiżdied bi 2.5% filwaqt li l-kontribut totali jiżdied bi 2.7%.
Fost l-akbar tkabbir fil-kontribuzzjoni diretta tat-turiżmu fil-GDP mistenni jkun esperjenzat f’Ċipru (+6.5%), il-Libanu (+6.2%) u l-Greċja (+5.6%).
F’dak li jirrigwarda nfieq, ir-rapport juri kif fl-2017 l-infieq tat-turisti f’Malta kien ta’ €1.7 biljun li mistenni jiżdied bi 2.4% din is-sena u jibqa’ jiżdied għal €2.7 biljun sal-2028.
Il-WTTC juri kif kważi 90% mill-infieq mit-turiżmu f’Malta fl-2017 kien riżultat ta’ turisti li jiġu Malta għal vaganza, filwaqt li 10% kien riżultat ta’ dawk li ġew fuq żjajjar relatati ma’ xogħol (konferenzi, laqgħat...). Din is-sena l-infieq minn dawk it-turisti li jiġu għal vaganza mistenni jiżdied bi 2.2%, filwaqt li l-infieq minn dawk li jiġu Malta fuq żjajjar relatati max-xogħol mistenni jiżdied b’4.7%
Intant 85% mill-infieq kollu mit-turiżmu fl-2017 kien ġej minn turisti barranin filwaqt li t-turiżmu domestiku (Maltin jew residenti Malta li jagħmlu użu minn servizzi turistiċi) kien jirrapreżenta 15% mill-infieq totali mit-turiżmu. Din is-sena, skont il-WTTC, l-infieq mit-turiżmu domestiku mistenni jiżdied b’3.2%, biex ilaħħaq it-€319-il miljun filwaqt li dak minn turisti barranin mistenni jiżdied b’2.4%, biex ilaħħaq il-€1.7 biljun.