L-Air Malta se tibda tbigħ wħud mir-rotot tagħha mis-sit tal-linja tal-ajru Ryanair, f'dak li qed jitqies bħala sħubija bejn iż-żewġ linji tal-ajru. Permezz ta' dan il-ftehim l-Air Malta se tkun tista' tespandi s-suq tagħha permezz ta' preżenza ikbar onlajn.
L-Air Malta se tkun qed tbigħ total ta' 21 rotta fuq is-sit ta' Ryanair.
David O’Brien, Chief Commercial Officer ta' Ryanair fakkar illi s-sit tal-linja tal-ajru jkun aċċessat 50 miljun darba kull xahar, filwaqt li huwa disponibbli b'lingwi differenti, inkluż biċ-Ċiniż. O'Brien qal li l-preżenza tal-Air Malta fuq is-sit tar-Ryanair tgħin biex il-kumpanija Irlandiża tikber u b'hekk is-sit tagħha jsir wieħed aktar komprensiv u li joffri lill-klijenti aktar għażla.
Minn naħa tiegħu ċ-Chairperson tal-Air Malta Charles Mangion sostna illi din is-sħubija kienet possibbli wara li l-linja tal-ajru investiet bil-qawwi fl-IT, xi ħaġa li għenet biex il-linja nazzjonali tal-ajru ttejjeb il-qagħda tagħha onlajn. Illum ħafna xiri ta' biljetti tal-ajru qed isir permezz ta' siti onlajn ta' diversi linji tal-ajru, iktar milli xiri minn uffiċċji, ħwienet jew aġenziji.
Il-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi qal illi ż-żewġ linji tal-ajru se jkunu qed jaħdmu għal aktar kooperazzjoni bejniethom, fosthom fuq kif l-Air Malta tista' sservi ta' pont għall-passiġġiera tar-Ryanair lejn ajruporti Afrikani.
Il-Ministru Mizzi sostna illi l-istrateġija tal-Air Malta bdiet tħalli l-frott, b'żieda ta' 20 rotta u żieda ta' 40% fil-passieġġieri.
Ara hawn l-intervista tal-gazzetta ILLUM maċ-Chairperson tal-Air Malta Charles Mangion