Intervista | Saliba u Briguglio jidħlu fid-‘djar’ u jwieġbu l-mistoqsijiet
Minkejja li l-elezzjoni tal-EP għad fadlilha l-ILLUM bdiet tistaqsi l-mistoqsijiet li qed tistaqsu intom lil dawk li jridu jirrapreżentawkom fi Brussell...
minn Albert Gauci Cunningham
Alex Saliba
1. Il-Gvern Laburista bħalissa jinsab minn fuq wara l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant filwaqt li l-PN jinsab maqsum. Ma taħsibx li din is-sitwazzjoni mhix tajba għall-pajjiż? Ma taħsibx li sitwazzjoni ta’ Gvern mingħajr opppożizzjoni b’saħħitha hija ta’ detriment għal pajjiżna?
Il-Partit Laburista ilu b’moral daqstant għoli minn meta laħaq mexxej Joseph Muscat. Il-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant kienu biss konferma li Joseph Muscat dejjem kien onest u li d-deċiżjoni tal-poplu Malti li jwarrab lil Simon Busuttil u jafda għal darb’oħra Gvern Laburista, kienet waħda għaqlija.
Għandi d-dubji tiegħi kemm l-Oppożizzjoni preżenti hi waħda denja, speċjalment bil-kriżi li għandha fit-tmexxija u t-tbażwir li ħalla warajh Simon Busuttil. Filwaqt li nemmen li l-pajjiż jixraqlu Oppożizzjoni serja, wieħed ma jistax ma jfaħħarx il-mod kif il-Gvern baqa’ saqajh mal-art, b’idu fuq il-polz tal-poplu.
2. Bħala kandidat prospettiv tal-PL kif tindirizza lil dawk li ma tantx jinsabu kuntenti bis-sitwazzjoni tal-ambjent f’pajjiżna. Inti x’se tgħidilhom biex tikkonvinċihom li l-PL verament għandu għal qalbu l-wirt naturali ta’ pajjiżna?
Naħseb li hija kritika inġusta li jirċievi dan il-Gvern. Possibilment huwa wkoll tort tar-rappurtaġġ li jsir minn ċerti mezzi tal-midja li ħafna drabi jiffokaw aktar fuq l-iżbalji milli fuq l-affarijiet pożittivi li saru f’dan il-qasam, bħal pereżempju l-għeluq tal-Power Station tal-Marsa u l-qalba mill-Heavy Fuel Oil, l-aktar żejt li jniġġes, għall-gass.
Is-sitwazzjoni tal-ambjent hija sfida għal dan il-Gvern. Però filwaqt li rridu nirrikonoxxu li fadal xi jsir, importanti nsemmu t-tajjeb li sar ukoll. Il-Gvern kommess li jkompli jaħdem b’determinazzjoni u impenn biex ir-riżultati t’għada jkunu aħjar minn dawk tal-lum.
Personalment nemmen li wasal iż-żmien li nibdew inħarsu lil hinn mir-riżultati ekonomiċi u niffukaw aktar fuq il-kwalità tal-ħajja.
3. Miegħek fit-tiġrija se jkun hemm kandidati li qabel kienu jivvutaw jew saħansitra jimmilitaw fil-Partit Nazzjonalista. Kieku inti ma kontx kandidat imma biss votant, tivvutalhom (numru 1) lil dawn il-kandidati jew tippreferi lil xi ħadd li dejjem kien Laburist? Għaliex iva/le?
F’dawn l-aħħar snin kien hemm ħafna nies li għamlu l-pass u ngħaqdu mal-Partit Laburista. Mhux sorpriż li wħud minn dawn illum huma wkoll kandidati tal-moviment ta’ Joseph Muscat.
Jiena dejjem ivvutajt lil min ħassejt li ġab l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin l-ewwel u qabel kollox. Ma naħsibx li hu għaqli u prudenti li wieħed joqgħod jiddiskuti l-“kieku”.
Nemmen illi l-kandidati kollha fuq il-lista tal-Partit Laburista se jkunu persuni kompetenti u li żgur mhux se jagħmlu bħall-MEPs tal-Partit Nazzjonalista u jmorru jħammġu isem pajjiżna mal-barranin.
4. Numru ta’ Laburisti għal darb’oħra qed jgħidu illi mhux se jivvutaw fl-2019 għax inqabżu jew ‘ġew injorati’ mill-partit. Kemm qed tiltaqa’ ma’ dawn it-tip ta’ vontanti? Imma dawn għandhom raġun?
Meta tiltaqa’ man-nies tisma’ minn kollox u titgħallem mill-esperjenzi tagħhom. Naħseb li matul is-snin il-Partit sema’, tgħallem u reġa’ sar l-għażla naturali tal-poplu għax qatt ma nesa jew injora lil ħadd. Ċertament il-Partit mhux se jibda jinjora lin-nies issa.
Veru li kultant tiltaqa’ ma’ nies li jħossuhom frustrati; uħud ikollhom raġun, oħrajn ma jkollhomx. Wieħed irid jispjega, ikun onest u realistiku ma’ dak li jkun. Sfortunatament fil-passat kien hemm każijiet fejn kandidati wegħdu l-impossibbli u r-riżultat kien li llum issib min jipponta subajh lejn il-Partit għax ma jkunx inqeda.
Kif dejjem wera bil-provi, dan il-Gvern dejjem se jagħti widen u jkun ta’ spalla għal dawk ta’ rieda tajba. Matul dawn l-aħħar snin issewwew eluf ta’ inġustizzji illi seħħew taħt gvernijiet Nazzjonalista. Fadal ħafna aktar xi nsewwu u rridu nkomplu nisimgħu lin-nies u nibqgħu saqajna mal-art.
5. Tidħol għand familja Laburista illi tħoss li l-bidliet fil-liġi tal-IVF b’aktar bajd iffriżati qed jiftaħ il-bibien għall-abbuż mill-ħajja umana. Kif se tikkonvinċihom li l-Gvern għamel dak li hu sew f’din il-kwistjoni?
Naħseb li t-tweġiba għal mistoqsijiet bħal dawn huma sempliċi ħafna.
Il-Gvern ra kif għamel biex jgħin lil dawk il-koppji li għandhom problemi biex ikollhom it-tfal permezz tal-aktar mezzi moderni li toffrilna t-teknoloġija u x-xjenza medika. Lil dawn il-familji ngħidilhom, kieku kontu intom jew uliedkom fl-istess sitwazzjoni, tkunu tridu li jkollkom dawn il-mezzi għad-dispożizzjoni tagħkom? Konvint li t-tweġiba tkun iva.
6. Tidħol għand familja b’paga minima li qed tħallas madwar 50% mill-paga f’kirja. Jgħidulek li ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja u msallbin. X’tgħidilhom?
Frott it-tkabbir ekonomiku illi qed jiffaċċja pajjiżna, għandna ċerti sfidi, inkluż fil-prezzijiet tal-proprjetà.
Bħala persuna illi għandha għal qalbha l-valuri tal-ġustizzja soċjali, inweġġa’ meta nisma’ esperjenzi ta’ familji li mhux ilaħħqu mal-kirjiet. Dawn il-familji qed jagħmlu sagrifiċċji kbar biex ilaħħqu mal-ispejjeż tal-ħajja u biex lil uliedhom ma jħalluhom neqsin minn xejn.
Dan il-Gvern huwa kommess li jindirizza dawn il-problemi. Diġà bdew xogħlijiet sabiex jitlestew binijiet ġodda illi sal-aħħar ta’ din il-leġiżlatura se jibdew jakkomodaw mijiet ta’ familji illi ilhom fuq il-listi ta’ stennija għal snin twal sabiex jibbenefikaw minn akkomodazzjoni soċjali.
Kien dan il-Gvern ukoll illi mexxa ’l quddiem miżuri bħal loans immirati għal persuni bi dħul baxx sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jsiru sidien ta’ djarhom.
7. Tidħol f’dar ta’ kaċċatur jew nassab u jgħidlek ‘jien x’nivvota nagħmel jekk il-kaċċa dejjem taħt attakk mill-UE?’ X’se tgħidlu biex tikkonvinċih?
Billi wieħed ma jivvutax mhu se jsolvi xejn. Nifhem ir-rabja li jħossu dawn in-nies u naħseb li l-kaċċaturi u n-nassaba jafu eżattament min daħak bihom qabel ir-referendum tas-sħubija ta’ Malta fl-UE.
Naħseb ukoll li l-aħħar deċiżjonijiet tal-Qorti ma kienu ġusti xejn.
Però r-responsabbiltà titlob li ma nistax, u ma rridx, nagħmel wegħdi bl-addoċċ. Kien hemm biżżejjed politiċi illi għaddew biż-żmien lill-kaċċaturi u n-nassaba Maltin u Għawdxin!
Min-naħa tiegħi għamiltha ċara sa mill-ewwel jiem illi ħabbart il-kandidatura tiegħi illi ser inkun vuċi soda fil-Parlament Ewropew favur id-delizzju tal-kaċċa u l-insib responsabbli. Pajjiżna m’għandu xejn inqas minn Stati Membri oħra. Il-kaċċaturi u n-nassaba tagħna għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod illi jiġi ttrattat ħaddieħor. Ma jistax ikun illi l-UE tibqa’ turi snienha biss ma’ Stati Membri żgħar bħalna filwaqt illi tagħlaq għajnejha quddiem prattiċi ferm inqas sostenibbli bħal dawk illi jiġu pprattikati fi Stati Membri oħrajn bħal Franza.
Nemmen illi filwaqt illi għandna nkunu iebsa mal-ftit “kaċċaturi” illi qed jipperikolaw id-delizzju ta’ sħabhom minħabba l-għaġir irresponsabbli tagħhom, m’għandna qatt nitfgħu lil kulħadd fl-istess keffa. Naf b’mijiet ta’ kaċċaturi u nassaba illi jipprattikaw id-delizzju tagħhom bl-akbar responsabbiltà.
Lest inkun ta’ spalla għall-kaċċaturi u n-nassaba, lest li nwassal il-vuċi tagħhom u ngħin, kemm f’Malta u, jekk ningħata l-fiduċja, anke fil-Parlament Ewropew.
8. Tidħol għand koppja pensjonanti u jgħidulek ‘inti trid tkun elett MEP biex issir sinjurun u tgawdi minn benefiċċji kbar u lussu’. X’tgħidilhom?
Ilni fil-politika għal aktar minn 15-il sena u dak kollu li għamilt għamiltu bi prinċipju, b’konvinzjoni, b’lealtà u mħabba lejn il-Partit u pajjiżi. Qatt ma ħarist lejn l-interessi personali tiegħi, anzi kienu ħafna dawk illi matul is-snin kienu jgħiduli illi qed ninvesti wisq ħin fil-Partit mingħajr ma nħares lejn l-interessi personali u professjonali tiegħi. Meta nħares lura ma jiddispjaċini xejn illi għamilt dan kollu.
Jien dħalt għal din l-isfida biex inkun ta’ għajnuna għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, biex inkun ta’ servizz u vuċi soda għal Malta. Il-flus u l-perkaċċi qatt m’għamlu bij
Michael Briguglio
1. Il-Partit Nazzjonalista bħalissa jinsab minn taħt wara l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant filwaqt li l-PN jinsab maqsum. Ma taħsibx li din is-sitwazzjoni mhix tajba għall-pajjiż? Ma taħsibx li sitwazzjoni ta’ Gvern mingħajr opppożizzjoni b’saħħitha hija ta’ detriment għal pajjiżna?
Biex l-oppożizzjoni tkun b’saħħitha jeħtieġ li tkun viċin in-nies u li tkun maqgħuda internament. Dwar tal-ewwel, il-Partit qiegħed kontinwament iħaddem strateġija ta’ sensibilizzazzjoni lejn is-soċjeta’, fejn qiegħed jisma’ iktar milli jippriedka. Dwar tat-tieni, jeħtieġ li kulħadd jirrispetta d-demokrazija u d-diversità interna. Fl-istutturi tal-partit din teżisti, u jeħtieġ li kull min hu attiv jirrispettaha.
2. Diversi nies, sezzjoni li qed tikber, tħoss li l-ambjent jinsab taħt attakk speċjalment mill-industrija tal-kostruzzjoni. Dawn in-nies għaliex għandhom jagħżlu lill-PN? Il-PN x’qed joffri differenti mill-PL? Kif se tikkonvinċi lil dawn in-nies li l-PN jimpurtah mill-wirt naturali ta’ pajjiżna, iktar mill-PL?
Preżentament l-ambjent huwa wieħed mill-prijoritajiet fil-PN, u flimkien mat-tmexxija jien qiegħed naħdem ħafna f’dan ir-rigward. Filwaqt li l-PL qiegħed joffri politika li tkabbar l-ekonomija llum b’danni ambjentali kbar u b’nuqqas ta’ rispett lejn il-futur, il-PN jemmen li għandna nkabbru l-ekonomija b’mod iktar ippjanat u sostenibbli. L-uniku alternattiva parlamentari għall-politika tal-PL hija dik tal-PN, u bil-fatti ser nuru l-pjanijiet tagħna sabiex il-poplu jkun jista’ jiġġudika.
3. Inti kont tmexxi l-Alternattiva Demokratika u llum timmilita fil-PN. Kieku int ma kontx Michael Briguglio imma persuna oħra, kont tivvutalu lil Michael Briguglio jew kont tagħżel lil xi ħadd li dejjem kien Nazzjonalist? Għaliex iva/le?
Lil Michael Briguglio kont nivvutalu għaliex bħala MEP ser ikun attiv kemm f’Malta kif ukoll f’Brussell sabiex ikun viċin il-Maltin u verament jirrappreżentahom fil-Parlament Ewropew. Kont nivvutalu għax juri kif tista’ tkun ħolqa bejn in-nies, is-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet u l-Unjoni Ewropea. F’dawn l-aħħar 25 sena kien attiv b’rieda tajba, b’mod integru u konsistenti fis-soċjetà ċivili u l-politika. Matul dawn is-snin wera li leħen is-soċjetà ċivili jista' jkun b'saħħtu u qawwi.
Kien attiv f'bosta kampanji li rnexxew, bħal dawk għas-sħubija fl-UE, kwistjonijiet relatati mal-ħarsien tal-ambjent, drittijiet ċivili bħad-divorzju u l-istipendji tal-istudenti kif ukoll kwistjonijiet lokali fir-rwol tiegħu ta' kunsillier lokali mill-2003. Tkellem dwar kwistjonijiet bħall-governanza tajba, id-drittijiet tal-ħaddiema u l-pensjonanti u d-drittijiet tar-residenti.
Kont nivvutalu għax jgħidha kif inhi u ma jħallix il-partiġġjaniżmu jtappanlu l-veduti tiegħu. Li hu iswed jgħidlu iswed u li hu abjad jgħidlu abjad. Kont nivvutalu għax jirrapreżenta l-valuri tas-solidarjetà, il-ġustizzja, id-dinjità u s-sostenibbiltà. Fuq kollox qatt ma kien baħri tal-bnazzi, u dejjem leħħen it-tħassib tan-nies b'mod sensibbli.
4. Numru ta’ Nazzjonalisti (inċidentalment ħafna minn Tas-Sliema u ż-żona) ma jridux jafu b’Adrian Delia. Kemm qed tiltaqa’ ma’ dawn il-votanti? Imma dawn għandhom raġun?
Iva, niltaqa’ ma’ votanti b’din l-opinjoni u dejjem nisma’ dak li għandhom xi jgħidu. Nemmen li permezz ta’ djalogu, rieda tajba u rispett lejn il-proċess demokratiku nistgħu nkunu magħqudin. Qed niltaqa’ wkoll ma’ oħrajn madwar Malta li għandhom inqas vuċi fil-media iżda li fil-kwiet jiftħu qalbhom dwar x’jaħsbu dwar il-Partit Nazzjonalista u li qed japprezzaw kif Adrian Delia qed imur għandhom biex jisma’.
5. Tidħol għand familja Nazzjonalista biż-żewġ membri jkunu nisa, li issa grazzi għall-bidliet li daħħal dan il-Gvern fil-liġi tal-IVF se jkollhom ċans isiru ġenituri. Kif se tikkonvinċihom li l-PN għamel sew li vvota kontra?
Il-PN kien il-partit li daħħal l-IVF. Il-PN ried iktar konsultazzjoni wiesgħa sabiex it-tibdil fil-liġi ikun iktar bil-għaqal u bbażat fuq evidenza.
6. Tidħol għand familja tan-neozju. In-negozju sejjer tajjeb u qed jikru appartament, b’kirja tajba ħafna. Qegħdin komdi, iktar milli kienu. Għaliex għandhom jappoġġjaw lill-PN dawn?
Il-PN kien il-partit li daħħal is-suq tal-kera, u l-partit jappoġġja lil min jaqla’ l-flus b’mod onest. Fl-istess ħin il-PN irid jgħin lil min mhux ilaħħaq mal-kirjiet. Dan jista’ jsir mingħajr ma tixxekkel ir-rota ekonomika u d-dħul ta’ min jikri.
7. Tidħol f’dar ta’ kaċċatur jew nassab u jgħidlek ‘jien x’nivvota nagħmel jekk il-kaċċa dejjem taħt attakk mill-UE?’ X’se tgħidlu biex tikkonvinċih?
Inkun onest dwar il-politika Ewropea u ngħidlu li l-PN huwa partit li jirrispetta l-liġi, id-demokrazija u l-vuċijiet varji fis-soċjetà Maltija inkluż tal-kaċċaturi u n-nassaba u ta’ dawk li jixtiequ jgawdu l-għasafar fl-ambjent naturali tagħhom. Il-PN ma jridx jidħak bin-nies.
8. Tidħol għand koppja pensjonanti u jgħidulek ‘inti trid tkun elett MEP biex issir sinjurun u tgawdi minn benefiċċji kbar u lussu’. X’tgħidilhom?
Ngħidilhom li ħafna liġijiet li jiġu addottati Malta, mill-kwalità tal-ikel sal-prezzijiet tal-mobile jiġu diskussi fil-Parlament Ewropew, li għandu saħħa legali u politika kbira f’dan ir-rigward. Ngħidilhom ukoll li jien mhux ser inkun magħluq f’xi uffiċċju iżda li ser naqsam il-ħin tiegħi bejn Malta u Brussell, kif inhu mistenni minn MEP serju, biex b’hekk inkun il-vuċi tal-Maltin u dejjem viċin in-nies. Bħala soċjologu u kunsillier lokali konxju ħafna dwar ir-realtajiet tal-pensjonanti, frekwentament naħdem favur id-drittijiet tagħhom u kuljum niltaqa’ ma’ bosta pensjonanti.