Qed jitħejjew il-pjanti biex ikun imfassal masterplan għax-Xlendi
...sadanittant se jsiru xogħlijiet fiż-żona tal-boathouses, il-parkeġġ, iż-żona pedonali u anke l-wied
minn Yendrick Cioffi
Il-Ministeru għal Għawdex ikkonferma mal-gazzetta ILLUM li bħalissa qed jitħejjew il-pjanti neċessarji u għaddejjin id-diskussjonijiet ma’ kull min hu kkonċernat bil-għan li fix-xhur li ġejjin ikun ippubblikat masterplan għall-villaġġ pittoresk tax-Xlendi.
Għalkemm għadu mhux magħruf x’se jkun qed jinkludi dan il-masterplan, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, Joe Muscat, qal mal-ILLUM li l-GTA “temmen” li l-proposti se jkunu simili għal dawk ippubblikati fil-masterplan ta’ Marsalforn.
Dan ifisser li l-għan prinċipali se jkun li tingħata dehra omoġenja lill-istabbilimenti turistiċi, kemm fejn jidħlu l-imwejjed u s-siġġijiet u anke l-ilqugħ mill-elementi, fost oħrajn.
Kelliem għall-Ministeru għal Għawdex qal ukoll li sadanittant diġà ħarġu żewġ tenders għat-tindif tal-Wied tax-Xlendi u r-riabilitazzjoni taż-żona tal-boathouses, apparti l-fatt li Transport Malta waslet biex tlesti x-xogħol fuq il-moll.
Skont is-sit tat-tenders tal-Gvern, it-tender għat-tindif ta’ ‘parti’ mill-Wied tax-Xlendi jinsab fl-istadju ta’ valutazzjoni, wara li għalaq fis-23 ta’ Awwissu li għadda, filwaqt li għadhom qed jiġu sottomessi t-tenders għar-riabilitazzjoni taż-żona tal-boathouses, li jinsabu fi Pjazza l-Anfori, hekk kif dan it-tender jagħlaq fl-14 ta’ dan ix-xahar.
L-istess kelliem saħaq li fil-ġimgħat li ġejjin se tiġi sottomessa wkoll l-applikazzjoni li tikkonċerna l-parkeġġ biex “sussegwentament jibda l-eżerċizzju fuq iż-żona pedonali u anke konsultazzjoni mas-sidien tal-ħwienet.”
Il-Menqa u l-breakwater ta’ Marsalforn…
Intant, dwar il-masterplan ta’ Marsalforn, approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar f’Diċembru tas-sena li għaddiet, il-Ministeru qal li preżentament qed jiġu mħejjija t-tenders biex ikun jista’ jibda x-xogħol fuq l-ewwel fażi ta’ dan il-masterplan, li tkopri ż-żona tal-Menqa.
Apparti minn hekk, saħaq ukoll li waslu biex jiġu ffinalizzati l-istudji biex ikun jista’ jibda l-proġett tal-breakwater ta’ Marsalforn, liema proġett kien imwiegħed mill-Partit Laburista fl-aħħar programm elettorali tiegħu.
Iżda l-masterplan ta’ Marsalforn x’jinkludi eżatt?
Bl-għan li tingħata dehra isbaħ lill-promenade ta’ Marsalforn, dan il-masterplan joffri lill-istabbilimenti għażliet ta’ disinji għall-imwejjed u s-siġġijiet u anke tipi ta’ lqugħ għall-elementi.
L-istabbilimenti għandhom erba’ għażliet ta’ lqugħ li huma permessibbli, filwaqt li l-imwejjed u s-siġġijiet għandhom ikollhom disinn li jikkumplimenta l-ilqugħ.
Il-Masterplan tal-promenade ta’ Marsalforn, kif approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar jinkludi 12,850 metru kwadru għall-imwejjed u s-siġġijiet mifruxa fi Triq il-Port, Triq il-Forn, Triq San Ġużepp, Triq ir-Rabat u Misraħ Michaelangelo Refalo.
L-ispazju kien studjat biex ikun żgurat li jkun hemm biżżejjed spazju fiż-żoni residenzjali, dawk pedonali u anke postijiet għas-sajjieda fil-Menqa.
Apparti li jaħseb biex joħloq żoni pedonali tul il-promenade, it-toroq tal-madwar ser ikunu miksija b’materjal tat-tip porfido/lava.
‘Kull lokalità f’Għawdex għandu jkollha pjan lokali’
Filwaqt li l-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu ta’ Għawdxija (GTA) appoġġjat il-Masterplan ta’ Marsalforn u taqbel li jkun hemm Masterplan għax-Xlendi, qed tisħaq ukoll li kull lokalità f’Għawdex għandu jkollha pjan għaċ-ċentru tar-raħal.
Nhar il-Ħadd li għadda, mal-gazetta ILLUM, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni, Joe Muscat, insista li f’Għawdex ma jistgħux jibqgħu jittieħdu deċiżjonijiet daqslikieku l-Għawdxin qed jgħixu waħedhom.
“Kif nistgħu nkomplu niżviluppaw u ma naħsbux għall-ispazji ta’ parkeġġi?” staqsa Muscat.
Huwa kien qed iwieġeb għal dak li qal is-Sindku tal-Għarb, David Apap Agius, meta ma’ din il-gazzetta tkellem dwar il-pressjoni li qed tinħoloq fuq l-irħula Għawdxin u insista li ċertu rħula ma għandhomx l-infrastruttura neċessarja biex jilqgħu għat-turiżmu kollu.
Filwaqt li qabel mas-Sindku, żied jgħid li l-kunsilli lokali għandhom ikunu aktar flessibbli. “Kif jista’ kunsill lokali jipprovdi servizz ta’ ġbir tal-iskart bla ma jagħmel differenza bejn id-domanda ta’ Jannar u dik ta’ Awwissu?” kompla jistaqsi Joe Muscat.
Kien għalhekk li filwaqt li tkellem dwar l-importanza li jkompli jiżdied it-turiżmu f’Għawdex, Muscat insista dwar il-bżonn li jiġu żviluppati masterplans għal-lokalijiet kollha Għawdxin, biex kull żvilupp li jsir ikun jaqbel mal-lokalità partikolari.
Dan bl-għan, li filwaqt li jkompli jissaħħaħ it-turiżmu, ma tinħoloqx aktar pressjoni fuq l-irħula u r-residenti tagħhom.