Yana Mintoff tisħaq li qed jiżdiedu l-familji li mhux ilaħħqu mal-ħajja
Tikkritika l-fatt li fl-aħħar ħames snin ma sarux investimenti f'appartamenti ġodda tal-Gvern
More in Politika
Tikkritika l-fatt li fl-aħħar ħames snin ma sarux investimenti f'appartamenti ġodda tal-Gvern
Yana Mintoff, bint l-eks Prim Ministru Duminku Mintoff, qalet li minkejja dak li juru l-istatistiċi, għandha dubju kemm huwa veru li l-faqar f’Malta qiegħed jonqos.
F’intervista fuq TimesTalk, Mintoff qalet li l-faqar qed jiżdied u dan riżultat ta’ dak li seħħ fl-aħħar snin fejn filwaqt li hawn ħafna persuni li għandhom dħul baxx, komplew jogħlew il-prezzijet tal-kera, tal-proprjetà u anke tal-ikel.
Kien għalhekk li saħqet li minkejja n-numri, qed jiżdiedu dawk il-familji li ma jistgħux ilaħħqu mal-bżonnijiet bażiċi tal-ħajja.
“L-istatistiċi mhux dejjem jidħlu f’dan id-dettall,” saħqet Mintoff. “Il-problema hija li għandek ħafna xogħol prekarju u dħul baxx u fuq in-naħa l-oħra prezzijiet jogħlew tal-kera, il-propjetà u l-ikel.”
Dwar il-Cost of Living Adjustment, jew kif inhi magħrufa aħjar bħala l-COLA, li tikkalkula ż-żieda għall-għoli tal-ħajja, Mintoff qalet li din ma tikkalkulax il-qagħda li jinsabu fiha ħafna familji, għaliex din tiġi kkalulkata fuq id-dħul medju tal-familji Maltin.
Mintoff, li hija waħda mill-attivisti tal-Alleanza Kontra l-Faqar, insitiet li minħabba f'hekk qed jikber id-distakk bejn dawk li għandhom u jgħixu ħajja komda u dawn li mhux qed ilaħħqu mal-ħajja.
'Hemm bżonn kontroll fuq il-prezz tal-kera'
Tkellmet ukoll dwar il-suq tal-kera u kompliet fuq dak li kienet qalet f’Mejju tal-2015 mal-gazzetta ILLUM, jiġifieri li hemm bżonn kontroll fuq il-prezz tal-kera, bil-għan li tonqos, xi ftit jew wisq, il-pressjoni li qed tinħoloq fuq familji bi dħul baxx.
Fuq l-istess nota, saħqet li xi ftit ta’ intervent fis-suq tal-proprjeta mhux se jagħmel ħażin, għax fi kliema, dan mhux flessibbli u lanqas effiċjenti.
“Mhux se tibni dar f’ġurnata. Persuna ma tridx toqgħod iddur minn dar għall-oħra kull darba li ssib prezz aħjar,” kompliet Mintoff. “Rajt familji jitilqu minn Bormla għax ma jistgħux ilaħħqu mal-kera…oħrajn saħansitra kellhom imorru Għawdex...familji qed jinfirdu.”
'Inkwetata li fl-aħħar ħames snin ma sarx investiment f'housing tal-Gvern'
Ikkritikat ukoll il-fatt li fl-aħħar ħames snin u nofs ma nbnietx blokka waħda ta’ djar tal-Gvern, għalkemm faħħret il-fatt li fl-aħħar ġimgħat beda x-xogħol fuq binjiet, fosthom f’Bormla
“Imma s-sitwazzjoni ta’ ħafna persuni marret għall-agħar,’ saħqet Mintoff. “Żdiedu n-nies bla saqaf fuq rashom.”
Għamlet ukoll referenza għal stħarriġ li sar fost anzjani tal-Kottonera u rriżulta li 88 minn 190 anzjan li ħadu sehem qalu li qed jgħixu fi djar ‘mhux b’saħħithom," jiġifieri li għandhom bżonn xogħlijiet imminenti.
Temmet l-intervista bl-aħħar kliem ta’ missiera: “Kulħadd għandu dritt għal ħajja diċenti.” "Meta kien żgħir esperjenza ħafna l-faqar...kien jemmen ħafna fl-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali," temmet tgħid Mintoff.