'Int u l-Gvern tiegħek responsabbli għal kull mewta fil-Mediterran' - Sea-Watch

L-organizzazzjoni Sea-Watch kitbet ittra lill-Prim Ministru Joseph Muscat wara li l-bastiment tagħha ilu xahrejn maqbud fil-Mediterran

L-organizzazzjoni Sea-Watch kitbet ittra lill-Prim Ministru Joseph Muscat takkużah li qed iżomm il-bastiment Sea-Watch 3 apposta bil-għan li jtellef is-salvataġġ tal-immigranti li jinqabdu f’sitwazzjonijiet diffiċli fil-Mediterran.

L-ittra tfakkar lill-Prim Ministru li l-bastiment, flimkien ma’ oħrajn ta’ organizzazzjonjiet oħra, ilu xahrejn maqbud fil-portijiet Maltin mingħajr l-ebda ġustifikazzjoni legali.

“Għal kull mewta fil-baħar li setgħet kienet evitata, il-Gvern tiegħek huwa responsabbli direttament,” kitbet l-organizzazzjoni. “Wasal iż-żmien li min jieħu d-deċiżjonijiet f’Malta, inkluż int, tinżammu responsabbli għad-deċiżjonijiet fatali."

L-organizzazzjoni qalet li ilha 70 ġurnata żżomm milli tikkummenta fuq il-passi diplomatiċi li ttieħdu biex tkun riżolta s-sitwazzjoni fuq livell politiku iżda akkużat lill-Gvern Malti b’nuqqas ta’ konsistenza.

Kompliet tgħid li riċentament saret spezzjoni mill-awtoritajiet Olandiżi, fuq talba tal-Gvern Malti, liema awtoritajiet, dejjem skont l-ittra tal-NGO, iċċertifikaw li l-bastiment għandu r-rekwiżiti kollha tas-sigurtà stabbiliti mil-liġi.

“Tkellimna wkoll direttament miegħek, bħala Prim Ministru u tajtna tama falza li tiddjaloga magħna u anke dwar il-possibbilità li tinstab soluzzjoni,” tkompli tgħid l-ittra.

Intant, fl-ittra, Sea-Watch ħabbret li talbet tim ta’ avukati biex jaħdmu fuq “kommunikazzjoni miktuba” mal-Awtorità Maltija għat-Trasport bil-għan li l-bastiment ikun irrilaxxat malajr kemm jista’ jkun.

More in Politika