'L-infurzar tal-liġi ma għandux iħares lejn in-nazzjonalità'
Il-Prim Ministru jgħid li l-preżenza qawwija tal-Pulizija fil-Marsa u l-Ħamrun se ssir aktar permanenti
More in Politika
Il-Prim Ministru jgħid li l-preżenza qawwija tal-Pulizija fil-Marsa u l-Ħamrun se ssir aktar permanenti
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-infurzar tal-liġi ma għandux iħares lejn l-uċuh jew in-nazzjonalità tal-persuni.
F’kummenti lil MaltaToday, Muscat kien qed jitkellem dwar il-preżenza qawwija tal-Pulizija li fl-aħħar ġimgħat dehret fit-toroq tal-Marsa u l-Ħamrun u insista li għaddejin taħdidiet biex din il-preżenza tkun waħda permanenti u mhux xi ħaġa tal-mument.
B’reazzjoni għall-kummenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni, meta nhar il-Ħadd li għadda tkellem dwar l-immigranti reqdin barra u l-biża’ li fi kliemu qed jikkawżaw fost ir-residenti, il-Prim Ministru appella biex wieħed ma jużax argumenti bħal dawn biex ‘irewwaħ ir-razziżmu.”
Qal li jumejn ilu ra filmat ta’ żewġ min-nies jiġġieldu. Insista li dawn kienu Maltin u saħaq li kieku kienu ‘suwed’ kienu jinstemgħu ħafna kummenti kontrihom.
“Ma nistennix lanqas li nkunu meqjusa razzisti jekk imorru f’ċertu toroq fil-Marsa biex nipproteġu residenti li qed iħossuhom mhedda,” qal il-Prim Ministru.
Insista li hu qatt ma injora t-tħassib tan-nies u mhux l-ewwel darba li bagħat il-Pulizija u saħansitra l-Forzi Armati biex jinfurzaw il-liġi, minkejja li ġie kkritikat għax għamel dan.
Il-ġimgħa li għaddiet, mal-ILLUM, is-Sindku tal-Marsa, Frans Debono, kien insista li s-sitwazzjoni fil-Marsa hija ħafna aħjar minn kif kienet snin ilu u tinsab taħt kontroll, anke jekk insista li fadal xi jsir.
Aqra hawn l-Editorjal tal-gazzetta ILLUM tal-Ħadd li għadda li tkellem propju dwar il-fatt li l-problema tas-sigurtà ma tibdiex u tispiċċa bl-immigranti.