Buttigieg se jirriżenja minn Kap tal-Partit Demokratiku...u ħiereġ għall-Ewropa

...il-Partit Demokratiku jħabbar l-ewwel kandidat tiegħu; Anthony Buttigieg...

Tħabbar l-ewwel kandidat tal-Partit Demokratiku għall-elezzjoni tal-MEPs li se ssir nhar il-25 ta' Mejju tas-sena d-dieħla. Dan se jkun Anthony Buttigieg, illi illum jokkupa l-kariga ta' kap tal-istess Partit. 

Intant Buttigieg iddeċieda li minħabba li għandu impjieg full-time, hu jixtieq illi jiffoka fuq il-kampanja. Hu ħa d-deċiżjoni f'konsultazzjoni sħiħa mal-membri tal-partit. 

Buttigieg se jkun qed jirreżenja mill-kariga nhar il-21 ta' Settembru u mill-għada stess jibda l-proċess biex jintagħżel Kap ġdid għall-Partit Demokratiku. 

Buttigieg kien it-tieni Kap tal-PD wara l-eks Deputata Laburista (u illum Deputata tal-PD) Marlene Farrugia, li fil-fatt waqqfet l-istess partit. 

"Jekk inħarsu lura lejn is-sena li għaddiet, fiha l-Partit Demokratiku kien prova tal-bżonn tat-tielet partit, li jiġġieled għal governanza tajba, għall-ambjent u għall-ġustizzja soċjali," sostniet l-istqarrija tal-partit. 

More in Politika