"In-negattività u l-preġudizzji persistenti li jeżistu dwar xi ħaġa li kulma hi sempliċement varjant fin-natura (bħal meta wieħed ikun xellugi) kompliet ixxerred l-istigma soċjali kontra persuni LGBTIQ. Dan qed jagħmilha diffiċli għal ħafna persuni LGBTIQ biex jagħmlu l-‘coming-out’ tagħhom u juru min huma verament, u minflok qed jagħżlu li jaħbu l-verità dwarhom infushom – xi ħaġa li tista’ tagħmlilhom ħsara kbira." Hekk sostniet l-għaqda Drachma hekk kif illum qed ikun iċċelebrat il-Gay Pride f'Malta, ċelebrazzjoni li tfakkar fil-kisbiet kollha ta' persuni LGTIQ għall-ugwaljanza.
"Inħeġġu lill-Knisja biex tkun aktar inklużiva u lesta tħaddan żgħażagħ LGBTIQ, speċjalment fis-Sinodu dwar iż-Żgħażagħ li se jibda f’Ottubru, u li fih għandhom ikunu viżibbli u rrappreżentati." sostniet l-għaqda Drachma li fil-fatt tgħaqqad flimkien persuni LGBTIQ, li huma Kattoliċi kif ukoll lill-ġenituri ta' persuni LGTIQ.
"Ninsabu mħassbin ukoll dwar is-saċerdoti gay ċelibi u reliġjużi LGBTIQ ċelibi li qed ikollhom jaħbu l-orjentazzjoni sesswali tagħhom minħabba mistħija u ansjetà, ħaġa li ma tgħinx l-iżvilupp uman u l-formazzjoni spiritwali tagħhom. Qed ikollhom jgħixu ħajja moħbija bil-biża’ li tintefa’ xi ħtija fuqhom u hekk il-ministeru tagħhom qed ikun affettwat negativament. Saċerdoti gay ċelibi li ma jiċħdux l-orjentazzjoni sesswali tagħhom u jgħixuha bi trankwillità jistgħu jikbru b’mod san anki minn din l-istess esperjenza," sostna l-grupp Drachma.