‘Adrian Delia għandu joħroġ għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew’
…skont Simon Mercieca dan jagħti ċans lil Adrian Delia biex ikun iġġudikat mill-Poplu u jkun jista’ b’wiċċu minn quddiem jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista
minn Yendrick Cioffi
Minkejja li l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fadlilhom tmien xhur, kollox qed jindika li l-kampanja se tkun waħda twila u qalila, anke għax ħafna qed iqisu dawn l-elezzjonijiet bħala l-ewwel test politiku għal Adrian Delia, li bħal-lum sena kien elett Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Anke jekk hu stqarr mal-gazzetta ILLUM li mhux qed iħares lejn dawn l-elezzjonijiet bħala xi ġudizzju fuqu, ħafna qed jistaqsu x’futur ikollu Delia jekk id-distakk ma jonqosx jew saħansitra jiżdied kif qed ibassru s-sondaġġi.
Iżda, f’intervista ma’ din il-gazzetta, Simon Mercieca, opinjonista u eks esponent tal-Partit Nazzjonalista, insista li t-triq għal Adrian Delia għandha tkun waħda totalment differenti u li sa issa ħadd għadu ma kkunsidra jew tkellem dwarha. Mal-ILLUM Mercieca jisħaq li “Delia għandu joħroġ għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.”
“Delia għandu ċans li jkun iġġudikat mill-poplu”
Iżda x’wassal lil Simon Mercieca biex jaħseb li din tkun l-aqwa għażla għal Adrian Delia? Skontu hemm żewġ kwistjonijiet li wieħed irid jikkunsidra.
L-ewwel nett fakkar li Delia, anke jekk kien elett mit-tesserati, huwa kap li qatt ma mar għat-test tal-elettorat. It-tieni ntqal li Simon Busuttil intalab joħroġ għal dawn l-elezzjonijiet iżda rrifjuta, forsi għax jibża’ li mhux se jġib jġib l-istess ammont ta’ voti li kien iġib jew għax jikkunsidra din bħala mossa kif il-fazzjoni ta’ kontrih teħles minnu u tibagħtu l-Unjoni Ewropea.
Qabel ma din l-‘old guard’ ta’ Deputati tinbidel, minħabba li llum hija assoċjata mad-disfatti tal-PN, dan il-Partit ma jistax ikun fil-gvern
Skont Mercieca, jekk Adrian Delia joħroġ għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew hemm ċans kbir li jġib l-akbar ammont ta’ voti, mhux biss fost il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista, iżda fost il-kandidati kollha.
“Hekk Delia jkun iġġudikat mill-poplu,” saħaq Mercieca u jkun jista’ jisħaq b’wiċċu minn quddiem li “l-Partit Nazzjonalista mhux jitlef minħabba fih iżda minħabba raġunijiet oħra.”
Joħroġ…imma jiddikjara minn qabel li mhux sejjer l-Ewropa
U jekk jiġi elett jirriżenja mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista? Assolutament mhux il-każ, anzi Mercieca insista li Adrian Delia għandu jiddikjara minn qabel li jirrinunzja postu fil-Parlament Ewropew.
“Ikun jista’ jgħid b’wiċċu minn quddiem li l-kontribut tiegħu lill-Partit Nazzjonalista tah,” għax spjega li jekk iġib ammont kbir ta’ voti, dawn se jintirtu fuq il-kandidati l-oħra tal-Partit Nazzjonalista.
“Delia għandu ċ-ċans li jieħu vantaġġ mis-sistema elettorali tagħna li minkejja li nivvutaw għall-partiti, din teleġġi l-individwu.”
Adrian Delia vs Miriam Dalli
Iżda Mercieca ma waqafx hemm. Saħaq li jekk Delia joħroġ għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u jġib ammont tajjeb ta’ voti, se jippreżenta Partit Nazzjonalista li huma kompatt, anke jekk fi kliemu, din l-għaqda tkun waħda relattiva.
Mill-banda l-oħra, ikompli Mercieca, Delia jkun qed joħroġ aktar biċ-ċar il-qasma bejn fazzjonijiet fil-Partit Laburista, issa li l-ġirja għall-mexxej Laburista jidher li ftit ftit se tibda tirranka, ġaladarba l-Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara aktar minn darba li mhux se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Fi kliem Mercieca, huwa ċar li l-Partit Laburista jrid jimbotta ’l quddiem il-kandidatura ta’ Miriam Dalli, li hija waħda mill-favoriti li tieħu post Joseph Muscat bħala l-ewwel mexxej mara tal-Partit Laburista u eventwalment Prim Ministru.
Madanakollu, hemm ukoll min lil Miriam Dalli ma jridhiex u għalhekk, jisħaq Mercieca, fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew se jivvota lil kandidati oħra, bil-voti jinqasmu fost il-kandidati kollha.
Għalhekk saħaq li jekk dan iseħħ, fuq naħa jkollok Partit Nazzjonalista li ħafna mill-voti tiegħu jkunu marru fuq kandidat wieħed, f’dan il-każ Adrian Delia, u jidher partit kompatt, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra jkollok Partit Laburista bil-voti mifruxa fost numru akbar ta’ kandidati
‘New Way’ - ma seħħitx għax…
Iżda ma’ Simon Mercieca ma tkellimnix biss dwar il-futur ta’ Adrian Delia iżda tajna ħarsa anke lejn l-aħħar sena tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. X’jaħseb dwar il-famuża ‘New-Way’?
“Delia ġie elett mit-tesserati biex iġib bidla fil-Partit Nazzjonalista. Biss din il-bidla, jiddispjaċini ngħid, ma seħħitx. Dan ġara mhux minħabba Delia. Hemm ħafna interessi li mhux qed iħalluh jagħmel il-bidla,” saħaq Simon Mercieca.
Staqsejnieh x’inhuma dawn l-interessi. “Hemm l-interessi ta’ dawk li eleġġewh. Dawn qed jiġbdu lejn xawwathom. Imbagħad hemm l-interessi tan-naħa l-oħra, jiġifieri tal-fazzjoni mmexxija minn Simon Busuttil li, akkost ta’ kollox, qed tagħmillu gwerra. Dawn ukoll qegħdin f’battalja ddisprata ta’ sopravivenza politika.”
Skont Mercieca, il-fazzjoni ta’ Busuttil, qed tagħmel l-akbar ħsara lill-Partit Nazzjonalista. Fi kliemu, qabel ma’ din “l-old guard” ta’ Deputati tinbidel, ġaladarba llum “hija assoċjata mad-disfatti tal-PN,” il-Partit Nazzjonalista ma jistax ikun fil-Gvern.
‘Fil-politika, Delia għadu bil-qalziet qasir’
Fid-dawl ta’ dan, staqsejna lil Mercieca jekk jaħsibx li Delia naqas meta rtira l-appell tiegħu lil Simon Busuttil biex jissospendi lilu nnifsu, wara li ħareġ kontrih ftit sigħat wara l-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant.
Mingħajr ma għomod il-kliem, Mercieca saħaq li ma’ Simon Busuttil hemm “wisq mażżri” u Delia, anke jekk ipprova, ma rnexxilux jinqata’ minn magħhom, anzi spiċċa biex ħareġ dgħajjef.
Ma’ Simon Busuttil hemm wisq mażżri. Ma kienx kapaċi jiddistakka ruħu minnhom. Il-problema ta’ Delia hi li mhux kapaċi jaqta’ dawn il-mażżri
Fi kliemu, “il-fatt li kellhom jintervjenu politiċi anzjani, bħal Lawrence Gonzi, wera li fil-politika Delia għadu bil-qalziet qasir. Din hija l-agħar ħaġa li tista’ tiġrilu politiku.”
‘Ir-rebħa ta’ Delia kienet kbira imma…’
Saħaq ukoll li r-rebħa ta’ Adrian Delia kienet prova ta’ kemm in-nies riedu bidla fil-Partit Nazzjonalista. Saħaq li anke jekk id-distakk bejn Adrian Delia u Chris Said kien ta’ ftit aktar minn 800 vot, xorta waħda jqis ir-rebħa ta’ Delia bħala waħda kbira, tant li skontu, lanqas Delia stess ma rrealizza l-appoġġ kbir li kellu.
“Meta tqis li l-magna tal-partit kienet kollha kontra tiegħu, Delia għamel rebħa kbira. Mhux la kemm tirbaħ fuq il-magna ta’ partit, bl-akkolti kollha li kellha magħha. Dan jikkonferma kemm it-tesserati u l-kunsilliera riedu bidla.”
Imma minkejja li kellu din ir-rebħa fuq platt tal-fidda, skont Simon Mercieca, Delia naqas meta intilef fil-legaliżmi, kemm fid-diskorsi u anke f’għemilu.
“Ir-riżultat issa qed jidher. L-elettorat mhux qed jarah bħala gvern alternattiv. Is-sondaġġi qed jitkellmu waħedhom.
‘Wara Delia hemm avukati li jinsabu fl-ombra’
Imma xi jġiegħel lil Mercieca biex jaħseb hekk? Wieġeb li minkejja li l-Partit Nazzjonalista huwa l-aktar partit fl-istorja li ma għandux avukati fit-tmexxija, wara Adrian Delia hemm grupp ta’ avukati li qed jieħu d-deċiżjonijiet minn wara l-kwinti u li skontu huma dawn li qed imexxu.
Imma x’hemm ħażin? Mhux kull kap ikollu strateġisti?
“Il-ħażin hu li hemm avukati biss u dawn qegħdin fl-ombra,” wieġeb Mercieca. Ir-riżultat hu li Delia qed jidher bħala persuna vojta. Juża kliem bħal ‘trapass’ u termini oħra legali. Dawn jagħmlu sens biss fil-qorti u fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, imma ma jfissru xejn għan-nies tat-triq. Dan ifisser li ma hemmx kommunikazzjoni effettiva.”
‘Delia jrid jiddeċiedi x’politika se jsegwi’
Fid-dawl ta’ dan, tkellimna wkoll dwar il-politika li qed jaddotta Adrian Delia. X’jaħseb dwar il-kummenti ta’ Delia fuq il-barranin u l-immigrazzjoni? Insista, li Delia jeħtieġ jiddeċiedi jsegwix politika li fid-demokrazija hija magħrufa bħala dik ta’ ‘soċjetà magħluqa’ jew dik ta’ ‘soċjetà miftuħa.
Kulħadd jaf li l-Prim Ministru Joseph Muscat addotta l-politika ta’ ‘soċjetà miftuħa,’ jiġifieri politika miftuħa għall-immigrazzjoni, l-ugwaljanza tal-ġeneru u fejn il-kwistjonijiet ta’ sigurtà huma kważi kważi meqjusa bħala ‘azzjonijiet faxxisti.’
U Delia x’politika qed jaddotta? “Il-Partit Nazzjonalist ma jistax ikollu fi ħdanu nies li jridu din il-politika ta’ matriċi Marxista u fl-istess waqt, jitkellem fuq temi marbuta mas-sigurtà li huma marbuta mal-politika ta’ ‘soċjetá magħluqa’. Din tikkrea konfużjoni,” insista Mercieca.
Delia għamel rebħa kbira. Mhux la kemm terbaħ fuq il-magna ta’ partit… Biss Delia matul din is-sena intilef fil-legaliżmi, kemm f’diskorsi u anki f’għemilu
Ma għandniex xi ngħidu, min jemmen f’soċjetà aktar miftuħa, qed jivvota lil Joseph Muscat u fi kliem Simon Mercieca, Muscat qed juża din l-għodda biex aktar tidher il-firda fil-Partit Nazzjonalista.
Mill-banda l-oħra, Simon Mercieca insista li partit anke jekk jaddotta politika aktar konservattiva, ġaladarba jkun kompatt, jista’ jikseb is-suċċessi. Ma hemmx għalfejn immorru ’l bogħod ħafna. Biżżejjed tħares lejn il-Lega Nord ta’ Matteo Salvini, jew ir-rebħa ta’ Donald Trump.
Iżda dan jidher li hu diffiċli għal Delia. “Żmien il-kurrenti politiċi fin-naħa konservattiva spiċċa. Naħseb li Adrian Delia jixtieq li jkun kompatt, iżda jaf li ma jistax. Hawn fejn kellu juri snienu.”
Tgħajjir personali...mażżra oħra m’għonq Delia
Apparti dawn l-aspetti kollha, Simon Mercieca hu tal-fehma li l-ġlieda politika tal-Partit Nazzjonalista għadha wisq ibbażata fuq tgħajjir personali u mhux fuq il-ħsieb politiku.
“It-tgħajjir, it-tmaqdir u ż-żebligħ personali llum saru sinonimi ma’ dan il-partit u l-esponenti tiegħu,” saħaq Mercieca. “Dan hu normalment attribwit lill-blogger Daphne Caruana Galizia li kienet segwaċi ta’ din il-politika anke jekk mhux hi ħolqitha.”
Mistoqsi jekk jarax li Delia pprova jinfatam minn din il-politika, Mercieca insista li Delia spiċċa biex waqa’ f’din in-nassa meta matul il-kampanja biex isir kap, sejjaħ lil Caruana Galizia bħala ‘biċċa blogger.’
Kompla jispjega li dak li ried jagħmel Delia kien li pubblikament jiddisasoċċja ruħu mit-tgħajjir tagħha, iżda insista li ‘l-Partit Nazzjonalista ma kienx kapaċi li jinfatam minn dan kollu.”
Fi kliemu, dan huwa rifless ukoll fl-għażla tal-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li “għadhom jirrikorru għal dawn it-tattiċi Marxisti ta’ tgħajjir personali.”
“Invarjabilment, dawn issibhom ixaqilbu lejn il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil,” kompla Mercieca.
Propju minħabba f’hekk, temm jisħaq li anke jekk fil-Partit Laburista it-tgħajjir personali jsir bl-istess qawwa, in-negattività tibqa’ sinonima mal-Partit Nazzjonalista u dan minkejja l-Mod Ġdid li wiegħed Adrian Delia.