'Il-problema mhux Delia imma min ma aċċettahx'
Frank Portelli dwar l-ewwel sena ta' Adrian Delia Kap tal-Partit Nazzjonalista
minn Yendrick Cioffi
F'għeluq l-ewwel sena ta' Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-gazzetta ILLUM titkellem ma' Frank Portelli, li ma' Delia tellaq għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
X'jaħseb l-eks Deputat dwar l-ewwel sena ta' Adrian Delia?
1. Bħal-lum sena, Adrian Delia sar Kap tal-Partit Nazzjonalista, x’bidla taħseb li ġab għall-Partit Nazzjonalista?
Adrian Delia sar kap sena ilu. Kienet l-ewwel elezzjoni għall-Kap li fiha vvutaw it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista. L-akbar bidla li ġab Adrian Delia hija marbuta mal-fatt li hu bniedem fabbli ħafna, jiltaqa’ ma’ kemm jista’ jkun nies, jidher li hu bniedem dħuli u dan wassal biex bdew jiġu fid-Dar Ċentrali nies li kienu ilhom snin ma jidhru hemm għax għal xi raġuni jew oħra kienu mnaffra.
2. Id-distakk ta’ bejn Adrian Delia u Chris Said kien biżżejjed biex Delia jgħid b’wiċċu minn quddiem li għandu l-appoġġ tat-tesserat Nazzjonalisti?
F’dan il-kuntest, min jirbaħ elezzjoni għall-kap ta’ partit, ikun liema partit ikun, anke vot wieħed aktar ikun biżżejjed u jagħtih id-dritt li jsir kap. Din id-darba, id-deċiżjoni saret mit-tesserati tal-Partit Nazzjonalista kollha, mhux biss il-Kunsilliera. Allura, Adrian Delia għandu kull dritt li jassumi l-awtorità li jagħtih l-istatut tal-Partit Nazzjonalista.
3. Taħseb li bid-deċiżjonijiet u l-pożizzjonijiet tiegħu, Delia qed joffri Gvern alternattiv? Xi jġiegħlek taħseb hekk?
Adrian Delia rebaħ l-elezzjoni għax kien hemm mewġa ta’ tesserati li kienet kontra ‘l-establishment,’ jiġifieri t-tmexxija tal-Partit li kienet għadha kemm sofriet telfa storika. Adrian Delia sab ħafna problemi. Naħseb qatt ma kien hemm kap tal-Partit Nazzjonalista li sab problemi daqskemm sab Delia. Beda billi offra l-id tal-ħbiberija lil kulħadd. Dik kienet l-ewwel mossa li kellu jagħmel.
4. Imma meta tħares lura, taħseb li l-PN kien aktar b’saħħtu taħt Simon Busuttil milli issa?
Taħt Simon Busuttil il-Partit Nazzjonalista tilef l-akbar telfa li qatt ġarrab. Żied fuq it-telfa li ġarrab taħt Lawrence Gonzi.
5. Temmen li Adrian Delia għadu qed iġorr fuqu l-allegazzjonijiet li għamlet dwar Daphne Caruana Galizia? X’għandu jagħmel?
Daphne Caruana Galizia ġiet skredidata kompletament mill-investigazzjoni li saret fuq l-Egrant, meta nstab li x-xhieda li tat hi kienet iffalsifikata. X’aktarx li l-allegazzjonijiet li għamlet fuq Adrian Delia ħadmu bil-kontra. L-għan tagħha kien li tagħmillu l-ħsara, mhux lilu biss imma lil ħafna nies. F’dan il-każ flok ħsara għamlitlu ġid.
6. Għal diversi Nazzjonalisti, iżda mhux biss, Delia mhux kredibbli meta jitkellem dwar il-korruzzjoni? Taħseb li Delia huwa tolleranti għall-korruzzjoni?
Kemm-il darba tkellimt dwar Adrian Delia. Adrian Delia huwa assolutament kontra l-korruzzjoni. Hemm Nazzjonalisti li forsi kienu qed jissaportjaw kandidati oħrajn li għadhom ma aċċettawx ir-riżultat tal-elezzjoni tal-Kap, iżda llum jew għada se jkollhom jaċċettaw li kap wieħed ikun hemm f’partit. Le. Adrian Delia huwa assolutament kontra l-korruzzjoni.
7. Kif tiġġudika l-kummenti ta’ Adrian Delia dwar l-immigrazzjoni u l-barranin? Għandu raġun jew qed ikun populist?
L-immigrazzjoni illegali, jiġifieri nies barranin li qed jiġu fl-Ewropa għal raġunijiet ekonomiċi u mhux għax jinsabu f’periklu f’pajjiżhom, qed toħloq problemi kbar. F’Malta nħossuha aktar għax aħna pajjiż żgħir, iżda dawn qed joħolqu problemi kbar f’ħafna pajjiżi. Hemm problema kbira fil-Ġermanja, tant li Merkel tilfet ħafna mis-saħħa tagħha, fl-Awstrija, fl-Ungerija, fl-Italja vvutaw lil min kien kontra l-immigrazzjoni u waħda mir-raġunijiet għalfejn il-Brittaniċi vvutaw favur Brexit naħseb li kienet l-immigrazzjoni.
L-immigrazzjoni hija problema kbira għalina l-Maltin. Adrian Delia mhux qed ikun populist iżda realist. Żball jekk aħna ninjoraw jew inħallu lil dawn l-immigranti kollha jiġu f’Malta mingħajr rażan. Biżżejjed tmur il-Ħamrun u l-Marsa li saru qishom ‘Ghettos.’ Mur Buġibba u ara x’qed jiġri. Sibna aktar minn 100 immigrant f’razzett tal-baqar u sal-lum għadna ma nafux fejn marru. Il-problema tal-immigrazzjoni rridu niffaċjawha b’mod serju u Delia beda jindirizzaha.
8. X’kienet l-aqwa deċiżjoni li ħa Adrian Delia f’din is-sena?
L-aqwa deċiżjoni ta’ Delia kienet li offra l-id tal-ħbiberija lil kulħadd. Lil kulħadd! Adrian Delia huwa bniedem li lest jisma’ u qed juri lin-nies li lest jisma’. Forsi ma kinitx deċiżjoni li wieħed induna biha malajr iżda kienet deċiżjoni importanti.
9. X’kienet l-agħar deċiżjoni li ħa Adrian Delia f’din is-sena?
Fil-ħajja dejjem tista’ tgħid li kull deċiżjoni li ħadt stajt għamiltha aħjar. Kieku kont jiena żgur ma kontx nattendi ċertu ‘meetings’ li jassoċjawni ma’ firda, fejn imbagħad kien hemm min ħa vantaġġ politiku. Jiena nemmen li Delia għamilha b’mod ġenwin imma kien hemm min ħa vantaġġ minnha. (Il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Portelli għal-liema ‘meetings’ kien qed jirreferi iżda baqa’ ma speċifikax).
10. Ir-reazzjoni ta’ Adrian Delia għall-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant kienet f’waqtha jew waħda mgħaġġla? Kellu jsejjaħ għar-riżenja ta’ Busuttil? Għamel sew meta biddel il-fehma tiegħu?
Ir-riżultat tal-Egrant hu dak li hu. Aħna kellna fiduċja fil-Maġistrat Aaron Bugeja. L-inkjesta kienet estensiva. Ir-riżultati juru li x-xhieda ppreżentata dwar is-sid ta’ Egrant kienet iffalsifikata. Anke jekk Egrant hija ta’ Muscat, ma hemmx prova ta’ dan. Il-prova li ppreżentaw kienet iffalsifikata. Allura ntilfet il-kredibilità ta’ min ġab dik il-prova.
Simon Busuttil, għamel kampanja elettorali bbażata fuq din ix-xhieda li Egrant hija ta’ Muscat. Il-poplu ma emmnux għax ma kienx hemm xhieda. Kif għidt, anke jekk huwa veru, provi ma kienx hemm. Din kienet ir-raġuni ewlenija għalfejn intilfet l-elezzjoni b’distakk akbar minn dak ta’ erba’ snin qabel.
Naħseb li Adrian Delia ma kellux għażla oħra ħlief li jieħu din id-deċiżjoni. Propjament, li jmissu ġara kien li malli ħareġ ir-riżultat tal-inkjesta, Simon Busuttil missu rriżenja biex ikun liberu li jmur iġib il-provi li ma kellux f’idejh biex juri li kellu raġun. Naħseb li hekk imissu ġara.
Adrian Delia, wara li saru l-laqgħat ta’ rikonċiljazzjoni, ipprova jsib metodu u ried juri li hu jrid partit magħqud. Mhijiex kwistjoni li biddel il-ħsieb.
11. Jekk il-Partit Nazzjonalista ma jnaqqasx jew saħansitra jżid id-distakk fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Adrian Delia għandu jirriżenja?
Ma nafx kif jaħsibha Adrian Delia. Naħseb li jekk id-distakk jiżdied il-pożizzjoni ta’ Adrian Delia tkun aktar diffiċli. Fadallu ftit inqas minn sena għall-elezzjonijiet u jrid jagħmel l-almu tiegħu, kif wara kollox qed jagħmel Joseph Muscat. Dawn l-elezzjonijiet huma termometru, indikatur, ta’ x’qiegħed iħoss il-poplu.
12. Temmen li Delia kapaċi jnaqqas id-distakk bejn il-partiti fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew?
Naħseb li Delia għandu biżżejjed kapaċità li jmexxi l-Partit Nazzjonalista, però l-problema tiegħu hija dawk in-nies li għadhom ma aċċettawx l-elezzjoni tiegħu bħala Kap. Partit maqsum ma jista’ qatt jirbaħ elezzjoni. Meta dawn in-nies jifhmuha, u jingħaqdu wara Kap wieħed, allura Delia jkollu ċ-ċans.