Il-PD jinsisti li l-Awtorità tal-Ippjanar ma tistax tapprova l-proġett tad-db

Lejlet id-deċiżjoni dwar dan il-proġett kontroversjali, il-PD jagħti għadd ta' raġunijiet għalfejn il-permess għandu jkun irrifjutat

Lejlet li tittieħed id-deċiżjoni dwar il-proġett kontroversjali tal-Grupp db fuq l-art li fuqha kien hemm l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, il-Partit Demokratiku saħaq li l-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar m’għandux rimedju ħlief li jirrifjuta l-applikazzjoni.

Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku insista li l-iżvilupp jmur kontra l-politika tal-ippjanar għax:

  • Ma tirrispettax il-politika tal-Floor Area Ratio; u għax
  • Minkejja li wieħed mir-rekwiżiti huwa li 50% tas-sit irid jibqa’ spazju pubbliku miftuħ parti sostanzjali mmarkata bħala ‘spazju miftuħ’ mill-periti hija fil-fatt imsaqqfa u għaldaqstant ma tistax tiġġustifika t-torri.

Il-Partit Demokratiku jisħaq li hemm raġunijiet oħra għalfejn din l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata, fosthom li l-iżvilupp:

  • Jinsab viċin wisq ta’ residenzi u se jkun hemm impatt negattiv kbir fuq in-nies tal-madwar; u għax
  • Il-kwalità ta’ ħajjet ir-residenti se tiddeterjorja minħabba ż-żieda fit-traffiku ta’ trakkijiet tal-kostruzzjoni, konġestjoni eċċessiva ta’ traffiku, tniġġis, dell, u impatt viżwali inaċċettabbli.

Il-proġett jinkludi l-bini ta’ torri ta’ 38 sular, lukanda ta’ 17-il sular, casino u stabbiliment kummerċjali fuq medda art ta’ 109,919 metru kwadru.

More in Politika