Il-Partit Nazzjonalista qed jikkundanna t-tneħħija tax-xemgħat u l-fjuri li jfakkru lil Daphne Caruana Galizia minn fuq il-Monument tal-Assedju.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-aġir tal-Ministru Owen Bonnici juri d-disprezz li l-Gvern Laburista għandu għad-dritt tal-libertà tal-espressjoni.
“Huwa inaċċettabbli li l-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja u l-Kultura juża ħaddiema tal-Gvern sabiex jiċċensura u jintimida ċittadini Maltin li bi dritt qegħdin jipprotestaw b'mod paċifiku biex issir ġustizzja dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia,” saħaq il-Partit Nazzjonalista.
Temm jisħaq li l-Ministru u l-Gvern għandhom jużaw il-ħin tagħhom biex “jiġġieldu l-kriminalità lampanti fit-toroq tagħna milli jaġixxu kontra min qed jipprotesta b'mod paċifiku.”
Intant, ftit tal-ħin ilu, għadd ta’ attivisti poġġew xemgħat u fjuri quddiem il-Ministeru għall-Ġustizzja.