Madwar 1,000 student għadhom bla trasport b'xejn għall-iskejjel

Iċ-ċifra kienet ikkonfermata mill-Ministeru għall-Edukazzjoni

Hekk kif mit-Tnejn li ġej diversi studenti se jirritornaw wara l-bankijiet tal-iskola, madwar 1,000 student u studenta tal-iskejjel tal-Knisja u dawk privati għad ma għandhomx trasport b’xejn.

Dan ikkonfermah dalgħodu l-Ministeru għall-Edukazzjoni li wieġeb kritika li qed issir dwar il-loġistika ta’ dan l-iskema li l-għan tagħha huwa li testendi t-trasport b’xejn għall-iskejjel kollha, hekk kif sas-sena skolastika li għaddiet, it-trasport b’xejn kien mogħti biss lill-iskejjel tal-istat.

Diversi ġenituri li jibagħtu t-tfal tagħhom fl-iskejjel tal-Knisja jew privati kienu infurmati fl-aħħar jiem li uliedhom mhux se jkunu qed jibbenefikaw minn din l-iskema għax ma hemmx biżżejjed spazju fil-vannijiet. Uħud kienu saħansitra infurmati li ċerti rotot mhux se jkunu qed isiru.

Fost dawn kitbet fuq Facebook mart il-Kap tal-Oppożizzjoni, Nickie Vella De Fremaux li kienet infurmata li ma kienx hemm spazju għat-tfal tagħha fir-rotta tas-Siġġiewi.

“Il-Ministeru qed jagħmel dak kollu possibbli biex waqt li jintużaw il-massimu ta’ vetturi liċenzjati u awtorizzati minn Transport Malta biex iġorru tfal tal-iskejjel, naraw li jinġarru l-akbar numru ta’ tfal possibbli,” tisħaq l-istqarrija. “Il-Ministeru qed jagħmel l-almu kollu tiegħu u jinsab anke f’kuntatt mal-operaturi tat-trasport biex kemm jista’ jkun jinqdew ġenituri, inklużi ġenituri li kienu jinqdew b’operaturi li din is-sena ddeċidew li numru ta’ rotot ma jibqgħux jaħdmuhom iktar.”

Sal-bieraħ l-operaturi tat-trasport li xtaqu jidħlu f’din l-iskema żdiedu għal 57 operatur iżda l-Ministeru qed iħeġġeġ aktar operaturi biex jidħlu f’din l-iskema billi jagħmlu kuntatt mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol fuq www.schooltransport.edu.mt.

Sat-Tlieta 18 ta’ Settembru, madwar 14,000 ġenitur ġew notifikati bid-dettalji b’rabta mat-trasport għall-iskola inklużi minn fejn se jinġabru uliedhom u l-kundizzjonijiet li bihom huma marbutin l-operaturi tat-trasport.  

More in Politika