Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hu totalment jirrifjuta l-idea li Malta ssir ċentru reġjonali jew ċentru ewropew tal-immigranti fejn kulħadd jiġi hawn u wara tittieħed deċiżjoni x’se jsir minnhom.
“Għalina dan mhux aċċettabbli iżda jekk ikun hemm bżonn soluzzjonijiet dwar każi individwali, dejjem lesti nagħmlu xogħolna.”
Huwa qal dan waqt li qed jattendi għas-Summit Informali f’Salżburgu fl-Awstrija flimkien mal-mexxejja u l-kapijiet tal-Istati Ewropej.
Waqt l-intervent tiegħu, muscat qal li l-idea li l-immigrazzjoni hija problema ta’ pajjiż jew ieħor m’għadhiex treġi. Insista li Malta lesta tkompli tagħmel xogħolha, iżda qed tistenna li jkollha l-appoġġ.
“Nistennew ukoll li ma noqogħdux nistennew li jkun hemm kriżijiet biex isiru ċerti passi min-naħa tal-Unjoni Ewropea,” saħaq il-Prim Ministru.
Tkellem ukoll dwar il-vapuri tal-NGO, is-salvataġġ u l-kwistjonijiet li jqumu meta ma jkunux jafu fejn se jieħdu l-immigranti u insista li hemm bżonn ikun hemm rules of engagement li jkunu ċari ħafna b’rispett lejn il-liġijiet internazzjonali.