Delia jappella lill-Gvern biex jagħmel l-Indipendenza l-Jum Nazzjonali

Waqt il-Mass Meeting tal-Indipendenza, Delia insista li l-Indipendenza għandna tkun festa ta' nazzjon wieħed

Ritratti ta' James Bianchi
Ritratti ta' James Bianchi

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, appella lill-Gvern biex jagħmel l-Indipendenza festa waħda nazzjonali li fi kliemu tkun ġurnata tal-Maltin u l-Għawdxin kollha u mhux tan-Nazzjonalisti biss.

Waqt il-Mass Meeting fuq il-Fosos tal-Furjana, Delia saħaq li bl-Indipendenza, il-Partit Nazzjonalista wera li jemmen fil-Maltin u l-Għawdxin kollha kemm huma u għalhekk investa fihom, tant li tul id-diskors irrefera għal dawk li sejħilhom bħala kisbiet li għamel il-pajjiż taħt Gvernijiet Nazzjonalisti, bis-saħħa tal-kisba tal-Indipendenza.

Kien għalhekk li saħaq li l-Indipendenza għandha tkun il-jum nazzjonali tal-poplu Malti u Għawdxi kollu, fejn "ikun hawn l-unjoni u mhux il-firda, fejn kulħadd ixejjer l-istess bandiera Maltija lilhinn mill-partit politiku.” Fi kliemu din tkun vera “Malta tagħna lkoll.”

"Fejn se tpoġġihom lin-nies li se ġġib?"

Kif għamel fid-diskorsi kważi kollha fl-aħħar jiem, Delia tkellem ukoll fuq l-immigrazzjoni u marbuta magħha l-kwistjoni tas-sigurtà u akkuża lill-Gvern li ma għandu l-ebda pjan dwarha.

Appella lill-Prim Ministru jiddeċiedi jekk iridx il-pushbacks jew inkella “jiftaħ it-territorju kollu Malti għal min irid jiġi,” b’referenza għall-pjan tal-Gvern li jimporta għadd ta' ħaddiema barranin fuq perjodu ta' snin.

“Għandna obbligu u l-Partit Nazzjonalista qatt mhu se jonqos milli jħares il-ħajjiet, imma għandna obbligu wkoll li nħarsu l-identità tagħna kollha,” insista Delia. “Bħala pajjiż fil-fruntiera tal-Ewropa rridu nħarsu d-drittijiet tal-Maltin u Għawdxin Ewropej l-ewwel u qabel kollox.”

It is not safe to walk the streets under Labour. Imxu t-triq kollha magħna. Niggarantixxu li nagħmlu lil Malta mill-ġdid sigura

Dwar is-sigurtà, Adrian Delia saħaq li l-pajjiż “fl-aqwa żmien” għandu nies jgħixu mal-art, fil-ġonna, u jinħaslu fil-lattrini. Staqsa jekk l-ekonomija sejra tajba u hawn dawn l-affarijiet, x’se jiġri meta ma tkunx.

It is not safe to walk the streets under Labour,” insista Delia. “Imxu t-triq kollha magħna. Niggarantixxu li nagħmlu lil Malta mill-ġdid sigura…fejnhu l-aqwa żmien?"

Tenna li dan il-Gvern ma għandux pjan għall-immigrazzjoni u jrid ikabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni u mhux bil-produzzjoni.

“Kemm irid nies Joseph Muscat?” Fejn se tqiegħdhom? X’se jiġri mit-tfal tagħna? It-tfal tagħna ma għandhomx biex jixtru djarhom! Illum ħadd ma għandu garanzija ta’ saqaf fuq rasu!” insista Delia. “Aħna qatt ma konnha kontra l-barranin u l-investiment barrani. Hemm mod u mod…mhux jiġu, jitilqu u jmorru ‘l hemm."

Kien hawn li bħalma għamel Clyde Puli qablu, Delia insista li Gvern Laburista qed joħloq cheap labour għax skontu, il-Gvern ma jinteressahx mill-ħaddiem u mill-fqir. Fakkar li dan mhux kliemu, iżda kliem bint l-eks Prim Ministru Duminku Mintoff.

'Irridu li l-isptarijiet jerġgħu jiġu f'idejn il-poplu'

Huwa tkellem fit-tul fuq dawk li sejħilhom kisbiet tal-Partit Nazzjonalista mill-Indipendenza ‘l hawn, fosthom l-ekonomija miftuħa, is-suq ħieles, is-servizzi finanzjarji, il-pluraliżmu, l-edukazzjoni, it-turiżmu, l-infrastruttura, is-saħħa u oħrajn, setturi li fi kliemu, il-Gvern Laburista qed jhedded.

Kien hawn, li Delia insista li l-Partit Nazzjonalista mhux se joqgħod idu fuq żaqqu, u fakkar fil-każ tal-Vitals Global Healthcare (VGH), fejn il-PN mar il-Qorti biex fi kliem Delia, l-Isptarijiet jerġgħu jiġu f’idejn il-poplu għax insista li huma tiegħu.

“Gvern Nazzjonalista bena Sptar Ġenerali f’Għawdex, sptar state of the art f’Tal-Qroqq, Sptar tal-Onkoloġija, Ċentri tas-Saħħa,” qal Delia. “Illum għandna Gvern li jagħti tliet sptarijiet lil min ma nafux. Ħallasnih u wara li ħarab għidnilu mur sib lil xi ħaddieħor inti.”

'Nibnu torrijiet għal min jista' imma ma nħallux min jgħix fil-garaxxijiet'

Tkellem ukoll dwar l-ambjent u qal li minn Partit Laburista li wiegħed il-ħarsien tal-ambjent, illum il-pajjiż għandu Gvern li ma jistax jara siġra li ma jmurx jaqlagħha.

Staqsa lill-Gvern x’inhu l-pjan tiegħu għall-ambjent u insista li l-Partit Nazzjonalista jrid li jagħmel mill-ambjent mutur ekonomiku.

“Ejja noħolmu għall-pajjiżna…noħolmu li kapaċi nkunu l-ewwel b’karozzi li ma jniġġsux (proposta li diġà tkellem dwarha l-Prim Ministru), li nerġgħu nafforestaw lill-pajjiżna u mhux nagħtu biss kastelli tas-siment,” kompla jgħid. “Ejja nibnu torrijiet għal min jista’ imma ma nħallux lil min jgħix fil-garraxijiet.”

Kien hawn li tkellem dwar il-faqar u semma esperjenzi ta’ nies li jitlaqa’ magħhom kuljum. Qal li ltaqa’ ma nies li kuljum ifittxu lattrina fejn jorqdu, u saħansitra qal li tkellem ma’ mara li trid toħroġ tqila biex almenu tieħu l-benefiċċji.

“Aħna biss għandna l-problemi? Mela għalfejn qed tinkwieta u titkellem fuqna biss?," qal lil Muscat. "Dawn huma l-istejjer tal-Maltin fl-aqwa żmien ta’ Joseph Muscat.”

'Meta nkunu fil-Gvern nagħtu lura kull ma seraq il-Gvern'

Hawn għamel referenza għal dak li l-Partit Nazzjonalista qiegħed issejjaħlu bħala serq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma u semma għadd ta’ nies li marru fid-Dar Ċentrali bil-kontijiet tad-dawl u li wara li ġew analizzati rriżulta li ħallsu aktar milli kellhom bżonn.

“Kien hemm familja ta’ ħamsa minn Ħal Qormi li bis-saħħa tagħna ħadu €200 lura, familja li ħadet €210, familja li ħadet lura €68,” qal Delia.

“Nagħtu garanzija li meta nkunu fil-Gvern, nagħtu lura dak kollu li seraq il-Gvern għax dak huwa tagħkom,” kompla Delia.

'Il-Qorti qaltlu le u se jkollu jixhed'

Ma naqasx milli jinsisti li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jiġġieled il-korruzzjoni u ma setax ma jsemmix lill-Avukat Ġenerali Peter Grech.

“Ħaseb li hu akbar mil-liġi, imma l-Qorti qaltlu le, se jkollu jixhed u se jkollu jgħid il-verità,” insista Delia b'referenza għal-kawża li fetaħ biex jingħata r-rapport sħiħ tal-inkjesta Egrant.

'AUM...jiġu hawn biex jaħarbu'

Huwa hu jitkellem dwar l-edukazzjoni, insista li l-Gvern ma jirrispettax la lill-edukaturi u lanqas lill-istudenti.

Joseph, int għidtilna li titlaq, imma jiena hawn se nkun biex nagħmlu l-aqwa żmien ta’ pajjiżna

Irrefera għall-iskola tal-Qawra u qal li sena wara l-oħra din baqgħet ma saritx.

Qal li l-uniku investiment fl-edukazzjoni kienet l-Università Amerikana li skontu ġabet biss ftit studenti “li jiġu hawn biex jaħarbu.”

'Kapaċi ngħaqqad mhux il-PN biss imma l-pajjiż'

Lejn tmiem id-diskors tiegħu, ħares ukoll lejn il-Partit Nazzjonalista u waqt li ma ċaħadx li hemm l-isfidi, insista li kapaċi jgħaqqad mhux biss lill-Partit iżda lill-pajjiż sħiħ.

Qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jibqa’ jiddefendi l-ħajja, jagħti t-tama liż-żgħażagħ u mhux id-droga għar-rikreazzjoni, u jinvesti fil-Maltin.

“Jekk Joseph Muscat ibigħ il-passaporti, jien irrid li ninvestu f’pajjiżna. Jekk hu jemmen fil-barranin jien nemmen fil-Pajjiż.”

'Joseph int se titlaq imma jien hawn se nkun...'

Temm jagħmel referenza għall-kummenti tal-Prim Ministru li ried jagħmel għaxar snin fil-Gvern u għalhekk mhux se jikkontesta għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss u insista li għall-kuntrarju hu jrid jagħti ħinu kollu.

“Joseph, int għidtilna li titlaq, imma jiena hawn se nkun biex nagħmlu l-aqwa żmien ta’ pajjiżna. Għandna viżjoni u l-viżjoni tagħna hija intom…soċjetà li jimpurtaha.”

B’ton imqanqal, appella lill-poplu biex jingħaqad għax fi kliemu, il-pajjiż mhux ta’ Gvern jew partitarji, iżda ta’ poplu wieħed.

Insista li din hija l-viżjoni tiegħu, mhux li poplu jiġġieled bejnietu, iżda li jiġġieled il-mibegħda, il-vizzji, il-vjolenza u l-inugwaljanza. Qal li din hija l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista kollu kemm hu.

Temm jisħaq li jekk il-Partit Nazzjonalista ma għandux il-flus, l-arma tiegħu hija l-verità.

‘Aħna nibqgħu ħaġa waħda nemmnu fl-istess twemmin’ – Clyde Puli

Qabel Delia, tkellem is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli li insista li l-Partit Nazzjonalista huwa wieħed u kull Nazzjonalist jemmen fl-istess twemmin.

“Quddiemi u warajja mhux qed nara liberali jew konservattivi iżda Nazzjonalisti li jħobbu l-pajjiżhom,” saħaq Puli. “Mużajk, xi kultant bi sfumaturi differenti, iżda aħna nibqgħu ħaġa waħda nemmnu fl-istess twemmin.”

Puli saħaq li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien immexxi minn mexxejja kbar, anke jekk iż-żminijiet mhux dejjem kienu faċli. Qal li fil-ġlieda għall-Indipendenza, għall-Ewropa u quddiem kriżi finanzjarja internazzjonali, il-Partit Nazzjonalista dejjem kien waħdu iżda dejjem baqa’ jemmen.

“Il-prezz li ħallasna għall-prinċipji tagħna qatt ma kien faċli,” saħaq Puli. “Nibqa’ nemmen li dan il-Partit kapaċi jqum minn dan il-mument...aħna mhux se nċedu għax aħna nħobbu l-pajjiżna.”

Fil-bidu tad-diskors tiegħu, Puli saħaq li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien il-partit tal-bidla li dejjem mexxa ‘l quddiem u ta l-viżjoni lil Malta u lill-ekonomija tiegħu.

Saħaq li l-Partit Nazzjonalista dejjem issejjaħ fil-mument kruċjali tal-pajjiż u saħaq li jerġa’ jasal iż-żmien li se jerġa’ jissejjaħ u l-Partit Nazzjonalista se jkun lest għal dan il-mument.

“Ħaddieħor qed jerġa’ jreġġana lura lejn iċ-cheap labour,” saħaq Puli. “Il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jissejjaħ biex ifassal viżjoni.”

Insista li ż-żmien fl-Oppożizzjoni huwa żmien kruċjali għal partit biex jiġġeded. Saħaq li hemm sfidi interni, fosthom finanzjarji u organizzattivi li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jindirizza. Saħaq li r-riżultati, minkejja li jridu l-ħin, se jkunu qed jidhru “fiż-żmien opportun.”

Qal li minn kemm ilu elett Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, ingħaqdu aktar minn 1,700 tesserat ġdid, li fi kliemu huwa record fl-aħħar 13-il sena.

Dwar l-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej, qal li l-Partit Nazzjonalista diġà approva aktar minn 200 kandidat għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u l-ewwel seba’ kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

“Ma nagħksux lilna nfusna, ejja nkunu kburin b’dak li kiseb il-Partit tagħna,’ temm jappella Puli lill-partitarji.

More in Politika