L-Arċisqof ifakkar li d-deċiżjonijiet tal-lum jaffettwaw il-ġenerazzjonijiet futuri
Is-solidarjetà, anke dik mal-ġenerazzjonijiet futuri, kienet fil-qalba tal-omelija tal-Arċisqof Scicluna f'Jum l-Indipendenza
minn Yendrick Cioffi
Is-solidarjetà kienet it-tema fil-qalba tal-omelija tal-Arċisqof Charles Scicluna waqt il-Pontifikal tal-Indipendenza fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann.
Fost tipi differenti ta’ solidarjetà li semma tul l-omelija tiegħu, l-Arċisqof Scicluna għamel enfasi partikolari fuq dik interġenerazzjonali, jiġifieri s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet.
“Il-Papa Franġisku jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ solidarjetà li ma tħarisx biss lejn l-effett immedjat tad-deċiżjonijiet li nieħdu, iżda wkoll tħares lejn l-effett li d-deċiżjonijet tal-ġenerazzjoni tagħna se jkollhom fuq il-kwalità tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet futuri li għadhom ma twildux,” saħaq Monsinjur Scicluna.
L-għada, li ġie ppruvat il-bini ta’ torri ta’ 38 sular f’Pembroke, l-Arċisqof Scicluna insista li kull deċiżjoni li tittieħed illum, se taffetwa mhux biss il-kwalità tal-ħajja tagħna, iżda anke ser taffettwa, għall-ġid jew għad-deni, il-kwalità tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet futuri.
Kull deċiżjoni li tittieħed illum, se taffetwa mhux biss il-kwalità tal-ħajja tagħna, iżda anke ser taffettwa, għall-ġid jew għad-deni, il-kwalità tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet futuri
'Il-faqar ġdid jitlob minna lkoll risposti ġodda ta’ solidarjetà'
L-Arċisqof appella wkoll biex il-pajjiż jibqa’ jgħożż is-solidarjetà bejn il-poplu u l-politika soċjali li ħaddnu gvernijiet mill-Indipendenza ‘l hawn. Hawn faħħar l-impenn tal-Knisja, li fi kliemu dejjem kient pijuniera f’ħafna oqsma ta’ ħidma soċjali.
Waqt li kkwota lill-Papa Franġisku, insista li "meta l-ekonomija tkun sejra tajjeb, kif tassew hi, is-solidarjetà ssir iżjed faċli. Iżda nifhmu wkoll li l-fqar dejjem magħna u li l-faqar ġdid jitlob minna lkoll risposti ġodda ta’ solidarjetà."
'Nitolbu għas-solidarjetà imma nuru solidarjetà aħna wkoll'
Ma naqasx ukoll milli jitkellem dwar is-solidarjetà internazzjonali u faħħar l-impenn tal-Gvern Malti li jisħaq dwar il-bżonn tas-solidarjetà bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea biex kulħadd jaqsam il-piż tal-immigrazzjoni.
“Meta l-piż jitqassam, jeħfief, mentri l-kriżi fis-solidarjetà thedded il-pedament li fuqu hija mibnija l-Unjoni Ewropea, thedded ukoll l-istess soċjetà tal-ġnus,” kompla l-Arċisqof.
Iżda ma waqafx hawn. Insista li waqt li l-pajjiż qiegħed ifakkar lil pajjiżi oħra biex ikunu solidali, jeħtieġ hu wkoll jimpenja ruħu biex juri solidarjetà ma’ min qiegħed fil-bżonn urġenti ta’ għajnuna għax qed jaħrab ambjenti fejn id-drittijiet tiegħu u d-dinjità tiegħu ta’ bniedem huma mhedda.
“Għalhekk, fil-jum li fih niċċelebraw l-independenza tan-nazzjon tagħna niftakru li dan il-pass ġab miegħu responsabbiltà kbira għalina bħala poplu: ir-responsabbiltà li ngħixu s-solidarjetà ma’ popli oħra, bejnietna l-Maltin u l-Għawdxin, u ma' dawk li ser jiġu warajna,” temm jgħid l-Arċisqof.