F’sentejn 114-il sid inqabdu jikru lit-turisti mingħajr liċenzja
Hekk kif aktar turisti qed jagħżlu li jikru minflok joqogħdu f’lukanda, f’ħames snin irduppjaw l-appartamenti liċenzjati mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu
minn Yendrick Cioffi
Fl-aħħar sentejn, 114-il persuna nstabu li kienu qed jikru appartamenti għal btala mingħajr ma kellhom il-liċenzja u l-permessi neċċessarji mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA)
Dan hekk kif aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jiżdiedu sidien ta’ appartamenti li qed jiddeċiedu li jikru l-proprjetà tagħhom għat-turisti, u bir-raġun, hekk kif statistika wara statistika qed turi li qed issir moda li t-turisti jikru appartament u mhux joqogħdu f’lukanda.
Ġimagħtejn ilu, il-gazzetta ILLUM irrappurtat kif fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena, 319,208 turist għażlu li jikru akkomodazzjoni oħra li mhix lukanda, guesthouse jew bed & breakfast.
Din ‘il-moda’ l-ġdida wasslet biex fl-aħħar ħames snin, jiġifieri bejn l-2013 u l-2018, irduppja l-ammont ta’ appartamenti liċenzjati. Illum, f’Malta biss, hawn 2,150 appartament li jista’ jinkera lit-turisti u dan meta fl-2013, kien hawn 1,095 post.
Minn ċifri li l-gazzetta ILLUM kienet kisbet mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, f’Għawdex hemm 625 appartament ieħor li jinkrew lit-turisti.
Tikri bla liċenzja? Tista’ tispiċċa l-Qorti u teħel sa €23,293
Iżda jkun hemm min jiddeċiedi li għax għandu appartament, jista’ jaqbad u jikrih lit-turisti. Kelliema għall-Awtorità Maltija għat-Turiżmu spjegat kif fl-aħħar snin żdied l-infurzar, tant li jekk bejn l-2012 u l-2013 ittieħdu passi kontra 17-il sid li kien qed jikri mingħajr l-liċenzja, fl-aħħar sentejn inqabdu 114-il sid.
Mistoqsija x’jiġri meta sid jinqabad jikri mingħajr ma jkollu l-ebda liċenzja, il-kelliema għall-MTA spjegat kif dan jeħel multa ta’ €2,329 u jekk jonqos milli jħallasha, jiġi mħarrek biex jidher quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
F’każ li jinstab ħati mill-Qorti, is-sid jista’ jeħel bejn €2,329 sa massimu ta’ €23,293. L-offiża tkun imniżżla wkoll fil-kondotta tal-individwu minħabba li din l-offiża hija meqjusa bħala reat kriminali. Apparti minn hekk, l-Awtorità tista’ toħroġ Avviż ta’ Infurzar biex is-sid jieqaf jikri l-post minnufih.
Kwalunkwe appartament jista’ jinkera sakemm…
Il-gazzetta ILLUM taf ukoll b’każijiet, partikolarment fil-Belt Valletta, fejn familji spiċċaw joqogħdu fi blokka bil-bqija tal-appartamenti, ħamsa jew aktar, jinkrew lit-turisti, bin-nies ġejjin u sejrin kull ġimgħa. Imma dan jista’ jsir? Mhux inkonvenjnet għar-residenti?
Ġaladarba appartamenti huma meqjusa bħala ‘single units’ jistgħu jinkrew għat-turisti.
“Kwalunkwe appartament fi blokka jista’ jinkera ‘short-let,’ dejjem jekk il-post ikun kopert bil-permessi relevanti mill-Awtorità tal-Ippjanar u jkun jista’ jilħaq l-istandards neċessarji u rikjesti mill-MTA,” saħqet il-kelliema, li kompliet tispjega li dan isir biex mhux biss ikun żgurat li l-bini jkun ġie żviluppat b’mod legali iżda anke biex il-prodott turistiku li jiġi offrut lit-turisti jkun ta’ livell tajjeb.
Fil-fatt, fid-9 ta’ Settembru, mal-gazzetta ILLUM, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA), Andrew Agius Muscat, kien appella li ġaladarba qed jiżdiedu t-turisti li jikru, għandu jiżdied l-infurzar biex l-appartamenti għall-kiri jkunu rregolati, biex mhux biss ikun hemm livell ta’ ‘level-playing field’ ma’ akkomodazzjonijiet oħra, iżda anke jkun assigurat li ma jbatix il-prodott Malti.
Fil-fatt, is-sidien kollha li jikru lit-turisti suppost għandhom jassiguraw li fl-appartament ikollhom miżuri ta’ sigurtà marbuta man-nar, bħal dawl ta’ emerġenza u anke apparat ta’ tifi tan-nar.
Il-miżuri huma estiżi wkoll għall-komun, fejn iridu jsiru wkoll dwal u sinjali ta’ emerġenza.
Il-liċenzja tal-MTA meta hi obbligatorja?
Sid meta jrid japplika għal-liċenzja tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu? Hemm differenza bejn kiri fit-tul u dak ta’ perjodu qasir?
Kwalunkwe appartament li jinkera għat-turisti li jiġu Malta fuq btala jrid ikollu l-permess neċċessarju tal-MTA.
Il-liċenzja tapplika wkoll meta:
- Sid ta’ proprjetà jkun qed jikri lill-inkwilin li ġie biex jgħix f’Malta iżda mhux biex jaħdem. F’dawn il-każijiet, l-MTA tilliċenzja l-proprjetà biex jgħix fiha dak l-inkwilin partikolari biss. Meta tgħaddi sena, l-proprjetarju ma jkunx jeħtieġ li jerġa’ jġedded il-liċenzja, għax il-kerrej ma jibqax meqjus bħala turist. Il-proprjetarju jkun jeħtieġ li jħallas xahar kera bħala liċenzja lill-MTA għall-ewwel sena biss, sakemm il-kerrej ma jinbidilx.
- Dawk is-sidien li jkunu jikru lit-turisti li jkunu Malta għal btala, huma kostretti li jħallsu liċenzja annwali. Dan ifisser ukoll li sidien ta’ appartamenti li jridu jikru lill-Maltin jew barranin li ilhom f’Malta għal aktar minn sena konsekuttiva jew barranin li qed jaħdmu f’Malta, xorta waħda jrid ikollhom liċenzja ta’ post għal btala, ġaladarba dawn il-persuni jkunu se jikru l-flat li mhumiex b’intenzjonijiet għal residenza primarja tagħhom.