Ġie fi tmiemu l-proċess ta’ konsultazzjoni li għandu jwassal biex titwaqqaf l-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li tul dawn l-aħħar ġimngħat, il-pubbliku ressaq il-ħsibijiet u s-suġġerimenti tiegħu dwar din l-awtorità li permezz tagħha se jissaħħaħ il-qafas istituzzjonali f’Għawdex
Kompliet tgħid li l-Ministeru għal Għawdex se jiffoka fuq id-direzzjoni politika fl-ambitu tal-politika nazzjonali, iżda b’enfasi fuq il-bżonnijiet speċjali ta’ Għawdex.
Temmet tassigura li Għawdex se jkollu strateġija ta’ żvilupp reġjonali li tiġi riveduta kull tliet snin biex kemm il-qafas ekonomiku, soċjali u ambjentali ta’ Għawdex ikunu kontinwament aġġornati għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu u l-opportunitajiet li jinħolqu.
Issa jmiss li dan l-abbozz jiġi ppubblikat biex eventwalment jiġi wkoll diskuss fil-Parlament.