F'xahar iċċertifika 13-il vettura mingħajr ma għamlilhom VRT
Operatur spiċċa bl-istazzjon tal-VRT magħluq u mmultat multa ta' €11,000 wara li kien jgħaddi l-karozzi mingħajr test
More in Politika
Operatur spiċċa bl-istazzjon tal-VRT magħluq u mmultat multa ta' €11,000 wara li kien jgħaddi l-karozzi mingħajr test
Sid ta’ stazzjon tal-VRT inqabad joħroġ 13-il ċertifikat f’xahar fuq vetturi li fuqhom ma sar l-ebda test apparti li ħareġ ħames ċertifikati oħra għal vetturi li m’għamlux it-test kollu.
Kien għalhekk li Transport Malta ħadet il-passi neċċessarji u mhux biss ħaditlu l-liċenzja iżda weħlitu multa amministrattiva ta’ €11,000.
L-Awtorità wettqet jiem ta’ investigazzjoni fuq l-operatur wara rapport li rċeviet u skopriet lista ta’ nuqqasijiet serji.
In-nuqqasijiet kienu serji biżżejjed biex Transport Malta tagħlaq l-istazzjon immedjatament u tirrevoka l-liċenzji tal-operatur u tal-persuna li tittestja, bil-konsegwenza li l-persuna li tittestja ma tistax taħdem aktar f’ebda stazzjon tal-VRT u l-istazzjon m’għadux parti mis-sistema onlajn tal-Awtorità.
L-operatur tal-istazzjon jista’ jappella quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva, iżda l-istazzjon ser jibqa’ magħluq sakemm it-tribunal ma jiddeċidix mod ieħor.
Il-vetturi li nstab li ġabu ċertifikat b’mod illeċitu ser jissejħu biex jerġgħu jagħmlu t-test tal-VRT.
Fi stqarrija, Transport Malta qalet li hi tissorvelja l-istazzjonijiet kontinwament u saħansitra tagħmel spezzjonijiet għal għarrieda, spezzjonijiet ta’ ġurnata sħiħa u każwalment terġa’ tispezzjona vetturi li jkun għadhom kemm għaddew mit-test tal-VRT.
Fil-fatt, kull sena, it-taqsima teknika fi ħdan Transport Malta twettaq madwar 300 spezzjoni ta’ ġurnata sħiħa u spezzjonijiet għal għarrieda fuq stazzjonijiet, kif ukoll terġa’ tittestja ‘l fuq minn 1,200 vettura li jkunu għadhom kemm għaddew mit-test.