‘Għad baqgħalna ħafna x’naqdfu fil-Malti’
Malta fir-raba’ post fl-Ewropa b’ammont konsiderevoli ta’ persuni li jitkellmu żewġ lingwi apparti l-ilsien nattiv. L-ILLUM titkellem mal-lettur Charles D. Saliba
minn Yendrick Cioffi
Hekk kif fil-maġġoranza tal-Ewropa jintuża l-ilsien nattiv ta’ kull pajjiż rispettivament, f’Malta 97% jużaw il-lingwa Maltija. Il-kumplament jużaw il-lingwa Ingliża skont l-Eurobarometer f’rapport fuq l-Ewropew u l-lingwa li ġie ppubblikat fl-2012. Dan ir-rapport juri li l-aktar pajjiżi li jużaw l-ilsien nattiv tagħhom fl-Ewropa huma l-Greċja u l-Ungerija b’99%.
Għall-kuntrarju ta’ dan il-pajjiżi tal-Latvja b’71% u l-Estonja bi 80% jippreferixxu li jużaw ir-Russu minflok il-lingwa nattiva tal-pajjiż tagħhom. L-istess rapport juri li ftit aktar minn nofs il-popolazzjoni tal-Ewropa, jitkellmu lingwa oħra mal-ilsien nattiv fil-fatt, ir-riżultat kien dak ta’ 54%.
Interessanti l-fatt li Malta tinsab fir-raba’ post fost il-pajjiżi Ewropej, b’59% jitkellmu żewġ lingwi apparti l-lingwa nattiva. Fil-quċċata, il-pajjiżi tal-Lussemburgu b’84%, l-Olanda b’77% u s-Slovenja b’67%. It-tliet lingwi l-aktar mitkellma mill-Maltin apparti l-Malti stess, huma l-Ingliż b’89%, it-Taljan b’56% u l-Franċiż bi 11%.
L-Ewropej iwieġbu li l-vantaġġ ewlieni li jitkellmu lingwi varji jkun li jkunu jistgħu jaħdmu f’pajjiżi barranin. Hekk kif minn dan ir-rapport irriżulta li l-Maltin huma fost l-aktar fl-Ewropa li jitkellmu lingwi barranin, dan jista’ jkun minħabba influwenza ta’ nies ta’ nazzjonalità barranija fil-pajjiż.
Il-fatt li l-lingwa Maltija hija lingwa Semitika, għandha influwenzi minn lingwi oħra forsthom it-Taljan u l-Ingliż, ikompli jgħin sabiex lingwi bħal dawn jiġu mitgħallma b’inqas diffikultà. Fejn dari sabiex persuna titgħallem lingwa barranija riedet bilfors tieħu xi kors jew tagħmel użu minn kotba, għalkemm dawn il-metodi għadhom validi sal-lum il-ġurnata, hawn aktar sorsi sabiex it-tagħlim tal-lingwi jkun wieħed aktar aċċessibbli.
Fid-dinja tat-teknoloġija li qed ngħixu fiha llum, persuni li jixtiequ jitgħallmu lingwi barranin, jistgħu anke jagħmlu dan permezz ta’ applikazzjonijiet onlajn. Dawn l-applikazzjonijiet huma disponibbli saħansitra mingħajr ħlas u persuna tista’ titgħallem il-lingwa sa mill-bidu nett. Minn vidjows li jittellgħu onlajn wieħed jista’ anke jitgħallem kif għandu jikteb ċertu kliem u jitgħallem aċċenti b’lingwi differenti.
Fattur ieħor li jkompli jqanqal interess fost il-Maltin sabiex jitgħallmu lingwi barranin huwa l-ivvjaġġar. L-istatistiċi maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika f’Malta juru li bejn April u Ġunju ta’ din is-sena kien hemm żieda ta’ 39.8% fuq is-sena ta’ qabel, ta’ Maltin li siefru. Fil-fatt, l-istess statistika turi li bejn April u Ġunju tal-2018, 140,108 persuni ħarġu barra minn Malta.
Huwa tajjeb li l-Maltin jitgħallmu lingwi barranin għax dan iħalli impatt pożittiv fuq it-turiżmu f’pajjiżna, iżda kemm huwa importanti li nies ta’ nazzjonalità barranija, residenti Malta, jitgħallmu l-lingwa Maltija? Kemm–il darba mort f’xi restorant tiekol u ma sibtx ħaddiem wieħed jitkellem bil-Malti? Bħal tistħajlek tinsab f’pajjiż barrani!
Dak li jagħmel il-lingwa Maltija aktar speċjali…
L-ILLUM tkellmet ma’ Dr Charles Daniel Saliba rigward il-lingwa Maltija u l-Malti bħala lingwa barranija. Saliba huwa lettur fl-MCAST, practicum visitor mal-Istitut għall-Edukazzjoni kif ukoll jgħallem il-lingwistika u l-letteratura Maltija fuq livell intermedju u avvanzat. Huwa ppubblika ’l fuq minn 40 ktieb dwar il-lingwa Maltija li jinkludu s-serje ‘Maltese for Foreigners’.
Dr Saliba jispeċjalizza l-aktar fuq it-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija. Meta mistoqsi minn din il-gazzetta dwar kif bdiet il-ġibda lejn il-lingwa Maltija, ir-risposta ta’ Saliba kienet waħda sempliċi. Hu qalilna li nġibed lejn il-lingwa minħabba li l-familjari u qraba tiegħu kienu jistudjaw il-Malti f’livelli differenti, b’hekk kienet naturali għalih.
L-aktar fattur li jattira lil Saliba lejn il-lingwa Maltija huwa l-fatt li l-lingwa Maltija bdiet bħala djalett Għarbi u ġiet influwenzata mill-Isqalli, mit-Taljan u mill-Ingliż sabiex iffurmat din il-lingwa unika. Saliba jżid jgħidilna li l-Malti hu l-uniku lsien Semitiku li jinkiteb b’alfabett Latin kif ukoll, l-uniku lsien Semitiku li huwa rikonoxxut bħala lingwa uffiċjali fl-Unjoni Ewropea. Charles saħaq dwar kif il-Malti hu l-ilsien nattiv tagħna, “wirt uniku li jagħtina identità u għalhekk qatt m’għandna nabbandunawh.”
Kompla jżid li “bħala poplu li ngħixu fuq żewġ gżejjer żgħar, għandna bżonn li nitgħallmu l-lingwi barranin għal diversi raġunijiet iżda dan m’għandux isir għad-detriment tal-lingwa-omm.” Fit-tweġibiet tiegħu, Saliba fakkarna fil-poeżija ta’ Dun Karm ‘Għaliex? – Jedd l-ilsien Malti’ li propju hi poeżija bi twissija għal dawk li jiddeċiedu li jabbandunaw l-ilsien tal-Malti sabiex jitkellmu oħra barranija.
“Għaliex immela tiċħad, Malti ħija,
Lil dan l-ilsien li bih int Malti sewwa?
Ħobb, jekk jiswewlek, l-ilsna barranija,
Iżda le tbarri lil min hu ta’ ġewwa.”
X’qed isir sabiex il-lingwa Maltija tiġi ppreservata?
Dr Charles Daniel Saliba jgħidilna li l-lingwa Maltija għadha tintiret b’mod naturali hekk kif fid-djar ħafna Maltin għadhom jitkellmu bil-lingwa Maltija. Jgħid ukoll li s-sistema edukattiva tgħallem il-Malti f’livelli differenti u għandna bosta għaqdiet, ambaxxati u aġenziji li jippromovu l-lingwa u l-kultura Maltija bl-aħjar mod li jistgħu. Minkejja dan, saħaq magħna li “għad baqgħalna x’naqdfu”. Saliba tagħna eżempju ta’ kif xi drabi slowgans ta’ kampanji edukattivi bil-Malti fuq it-televiżjoni jkunu bl-Ingliż jew Malti mħallat mal-Ingliż. Kompla jgħidilna li la darba l-kampanja edukattiva tkun bil-Malti, l-islowgan għandu jkun bil-Malti wkoll.
Charles Daniel Saliba b’serje ta’ kotba ‘Maltese for Foreigners’
Saliba jgħid lill-ILLUM kif hu beda l-kitba tiegħu tal-kotba li ppubblika għal dawk li jridu jitgħallmu l-lingwa Maltija bħala lingwa barranija b’riċerka li għamel f’livell ta’ dottorat fl-Università ta’ Sheffield. Fl-istudju tiegħu analizza korsijiet tal-Malti bħala lingwa barranija li saru fl-2012 u l-2013 fid-Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja. Minn din ir-riċerka huwa sab li l-għalliema kellhom ħtieġa għal sillabi aħjar u aktar riżorsi għat-tagħlim.
Hu jkompli jgħidilna li s-serje tiegħu ta’ ‘Maltese for Foreigners’ hi magħmula minn 14 –il ktieb u hi maqsuma fuq tliet livelli. L-ewwel livell (A1) : My First 750 Words in Maltese, Maltese Grammar Essentials in Context 1 u Speaking Maltese 1. It-tieni livell (A2) maqsum fi tliet kotba : More Words in Maltese, Maltese Grammar Essentials in Context 2 u Speaking Maltese 2. It-tielet livell (B2) maqsum f’ħames kotba : Further Words and Expressions in Maltese, Maltese Grammar Essentials in Context 3, Speaking Maltese 3 u Reality u Rocco Learns Karate.
Saliba ppubblika wkoll tliet kotba li jispeċċjalizzaw fuq it-tagħlim tal-Malti Mediku għall-professjonisti u studenti ta’ nazzjonalità barranija li jridu jużaw il-Malti sabiex jikkomunikaw ma’ pazjenti jew kollegi. Saliba jgħid lill-ILLUM li dawn il-kotba li ppubblika ntlaqgħu tajjeb ħafna hekk kif din is-sena se jiġi ppubblikat għat-tielet darba l-ewwel livell tas-serje.
Din il-gazzetta staqsiet lil Saliba dwar x’inhuma l-ewwel passi li għandha tieħu persuna ta’ nazzjonalità barranija sabiex tibda titgħallem il-Malti. It-tweġiba ta’ Saliba tkun li, la darba persuna jkollha r-rieda u l-motivazzjoni li titgħallem, se tirnexxi.
Aktar persuni ta’ nazzjonalità barranija jixtiequ jitgħallmu l-Malti…
Fiċ-ċensiment tal-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni li nħareġ fl-2011 jirriżulta li hekk kif il-popolazzjoni ta’ Malta tilħaq 416,055 persuna, 4.8% jew aħjar 20,086 minn dawn il-persuni huma ta’ nazzjonalità barranija. Naturalment, meta wieħed jintebaħ b’dawn iċ-ċifri, jistaqsi dwar kemm minn dawn il-persuni lesti li jintegraw fil-kultura Maltija.
B’hekk l-ILLUM staqsiet lil Dr Saliba dwar jekk l-interess ta’ persuni barranin li jixtiequ jitgħallmu l-Malti hux qiegħed jiżdied. Saliba jwieġeb li d-domanda għat-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija qed tiżdied f'kull livell tas-sistema edukattiva. Jgħidilna li t-tagħlim tal-Malti għal persuni ta’ nazzjonalità barranija huwa importanti fost l-oħrajn sabiex titjieb il-komunikazzjoni fuq il-post tax-xogħol u għal aktar integrazzjoni fis-soċjetà.
Saliba jkompli jisħaq li “dan it-tagħlim se jkompli jgħin lil-lingwa u l-kultura Maltija jinfirxu mad-dinja”. Ikompli jgħidilna li l-interess fil-lingwa tagħna qed jiżdied saħansitra anke minn persuni li jgħixu f’pajjiżi oħra. Mhux biss minn dixxendenti Maltin li jgħixu l-Awstralja, il-Kanada u l-Amerika iżda anke minn persuni li jistudjaw il-lingwi.
Hu jinformana li fiċ-Ċentru tal-Malti fl-Università ta’ Bremen fil-Ġermanja qed jiġu organizzati korsijiet tal-Malti. Simili wkoll għall-Ingliterra hekk kif qed jiġi organizzat kors mill-Maltese Culture Movement u saħansitra qed isiru talbiet sabiex f’pajjiżi oħra tiġi mgħallma l-lingwa Maltija. Jgħidilna wkoll li delegazzjoni Iżraelita li ġiet f’Malta f’Mejju li għadda wriet ix-xewqa li jitwaqqaf Ċentru tal-Lingwa Maltija fl-Università tagħhom.
“Opportunitajiet bħal dawn għandna naħtfuhom biex inkomplu nseddqu l-lingwa u l-kultura Maltija,” itemm Saliba. Saliba jgħid lill-ILLUM li l-ġurnata tal-lum aktar persuni ta’ nazzjonalitajiet differenti qegħdin jattendu korsijiet tal-Malti, ilkoll bi skopijiet varji.
Iżid ukoll li għalkemm l-isfidi huma akbar minħabba li ċertu studenti li jattendu dawn il-korsijiet ma jkunux jafu l-Ingliż, iż-żieda fir-riżorsi, tiffaċilita t-tagħlim tal-lingwa. Jieħu madwar erba’ snin sabiex persuna li tgħix Malta titgħallem il-Malti mill-bidu nett u tiżviluppa l-lingwa fl-aspetti tal-qari, fehim, taħdit u kitba.
Il-futur tal-lingwa Maltija…
“Il-lingwa Maltija hija ġawhra u rridu nibżgħu għaliha”
Dr Saliba jgħidilna li l-fatt li t-tfal Maltin qed iqattgħu aktar ħin f’ambjent multietniku u multilingwistiku, għalkemm dan fih il-vantaġġi tiegħu, qed ikunu anqas esposti għal-lingwa Maltija. B’hekk meta jiġu nnottati nuqqasijiet fil-profiċjenza tal-Malti, għandhom jittieħdu passi sabiex dawn in-nuqqasijiet jiġu indirizzati. Saliba jtemm jgħid li għandna ninkoraġġixxu persuni ta’ nazzjonalità barranija b’xewqa għat-tagħlim tal-Malti, sabiex il-lingwa u l-kultura Maltija tkompli tinxtered mad-dinja kollha.