Għada se jingħalqu l-karreġġjati kollha tal-Marsa-Ħamrun Bypass

Is-sewwieqa jistgħu rotot alternattivi mill-Imsida u l-Marsa (Diċembru 13) jew minn Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi u Ħal Luqa

Matul il-ġurnata ta’ għada, il-karreġġjati kollha tal-Marsa-Ħamrun Bypass fid-direzzjoni mill-mini ta’ Santa Venera u l-Imrieħel lejn il-Marsa ser ikunu kompletament magħluqa. Dan sakemm Infrastructure Malta tibda tqiegħed l-aħħar saffi ta’ asfalt u ttemm il-proġett ta’ €5 miljuni li beda aktar kmieni din is-sena f’din it-triq.   

Is-sewwieqa jistgħu rotot alternattivi mill-Imsida u l-Marsa (Triq Diċembru 13) jew minn Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi u Ħal Luqa, meta jivvjaġġaw lejn in-nofsinhar ta’ Malta.

Il-karreġġjata tan-nofsinhar tal-mini ta’ Santa Venera (Triq Reġjonali) għandha tiġi evitata wkoll, peress li l-ħruġ lejn il-Marsa-Ħamrun Bypass ser ikun magħluq u dawk li joħorġu f’din id-direzzjoni ser jiġu mdawra lejn rotta alternattiva minn Ħal Qormi.

Dawk li jkunu qed jivvjaġġaw lejn in-nofsinhar ta’ Malta mill-Imrieħel Bypass, għandhom jużaw rotot alternattivi mill-Imsida jew minn Ħal Qormi wkoll, peress li l-konnessjoni għall-Marsa-Ħamrun Bypass ser tkun magħluqa.

Ix-xogħlijiet mistennija jibdew kmieni s-Sibt, fis-sagħtejn ta’ filgħodu. Il-karreġġjata tan-nofsinhar tal-Marsa-Ħamrun Bypass ser tingħalaq mill-ewwel, ħalli l-kuntratturi tal-aġenzija jkunu jistgħu jibdew iqiegħdu l-ewwel miż-żewġ saffi finali tal-asfalt f’wiċċ it-triq.

Dan il-proċess jinvolvi aktar minn 28 siegħa ta’ xogħol ta’ kisi u rrumblar ta’ asfalt biex jitgħatta l-wiċċ kollu ta’ din il-karreġġjata bi tliet korsiji. It-triq terġa’ tinfetaħ il-Ħadd filgħodu.

L-istess karreġġjata, minn Santa Venera lejn il-Masra se tingħalaq mill-ġdid it-Tlieta bil-lejl, bejn is-sebgħa (19:00) ta’ filgħaxija u l-ħamsa (05:00) tal-għada filgħodu, sabiex tingħata l-kisja finali u jitlesta x-xogħol kollu f’din il-karreġġjata. Xogħlijiet simili sabiex titlesta wkoll il-karreġġjata tat-tramuntana, fid-direzzjoni opposta, ser isiru aktar tard ix-xahar id-dieħel, bejn is-Sibt 13 u l-Erbgħa 17 ta’ Ottubru.

Permezz ta’ proġett ta’ €5 miljun li beda aktar kmieni din is-sena, il-Marsa-Ħamrun Bypass twessa għal sitt korsi Din il-ħidma tifforma wkoll parti minn investiment ta’ €14.2 miljun li Infrastructure Malta qed tagħmel bix ittejjeb ir-rotta ewlenija bejn in-nofsinhar u ċ-ċentru tal-pajjiż, minn Triq Aldo Moro fil-Marsa sal-mini ta’ Santa Venera u l-Imrieħel Bypass f’Santa Venera u Ħal Qormi.

Dan l-investiment jinkludi wkoll żewġ proġetti oħra, fosthom it-tieni fażi tal-Marsa Junction Project, fil-konnessjoni tat-toroq ħdejn iċ-ċimiterju tal-Addolorata u l-bini mill-ġdid ta’ partijiet minn Triq Diċembru 13 u Triq Aldo Moro, li wkoll ser jitlestew f’Ottubru.       

More in Politika