Il-Knisja tiddeskrivi l-Awtorità tal-Ippjanar bħala ‘kelb tal-għassa bla snien'

Il-Knisja tisħaq li mhux biss ma tagħtix kas li jitjieb l-ambjent li fih jgħixu l-komunitajiet, imma li l-PA lanqas jimpurtaha mill-bżonnijiet tagħhom

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) saħqet li bħal għadd kbir ta’ ċittadini oħra, għadha “maħsuda” bid-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li approvat il-proġett ta’ db Group fil-Bajja ta’ San Ġorġ u ddeskrivitha bħala ‘kelb tal-għassa bla snien.

Fi stqarrija, il-KA fakkret li bħalma għamlu ċittadini oħra, hija wkoll bagħtet l-oġġezzjonijiet tagħha iżda saħqet li flok tfakkar fihom, tippreferi tistaqsi mistoqijiet li fil-fehma tagħha jixirqilhom ikunu mwieġba:

  • Kif tista’ l-PA torbot deċiżjoni bħal din mal-missjoni tagħha li “taġixxi f’isem il-komunità biex tipprovdi ambjent bilanċjat u sostenibbli,” meta wieħed iqis li ġew injorati eluf ta’ oġġezzjonijiet kontra dan l-iżvilupp?
  • X’raġuni moħbija seta’ kien hemm li kienet tiġġustifika li ma jingħatax każ ta’ dawn l-oġġezzjonijiet?
  • Liema interessi qed tħares il-PA?
  • Kif tista’ awtorità tal-ippjanar tagħlaq widnejha għall-appelli li jsirulha li jesiġu li proposti għal żvilupp jiġu deċiżi f’kuntest ta’ masterplans jew pjani lokali?
  • Kif tista’ awtorità tal-ippjanar tiffavorixxi proġetti enormi li qed jiġu proposti kif ġie ġie u li, jekk iseħħu, iġibu taqlib kbir fil-fibra soċjali, mingħajr ma l-ewwel tkun għamlet masterplan jew pjan lokali li fuqu tista’ timxi?

Il-KA saħqet li fid-deċiżjonijiet tagħha, l-Awtorità tal-Ippjanar żgur mhux twettaq il-viżjoni li “tagħmel minn Malta u Għawdex pajjiż isbaħ u li tieħu pjaċir tgħix fih”.

‘Fi żmien meta, minħabba l-iżvilupp bla rażan, qed jikber il-periklu li l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u tal-komunitajiet titmermer, l-ebda deċiżjoni ma għandha tispiċċa vittma ta’ partiġġjaniżmu politiku,’ tkompli l-istqarrija. ‘L-oġġezzjonijiet jagħmluhom ċittadini komuni u residenti li jħaddnu twemmin politiku varjat. Iżda lkoll kemm huma jinkeddu li l-kwalità tal-ħajja urbana qiegħda dejjem tmur lura minħabba nuqqas ta’ ppjanar u sostenibbiltà fl-iżvilupp.’

Qalet ukoll li ma tistax tifhem kif waqt li l-Awtorità tal-Ippjanar ma qieset xejn l-inkwiet li wrew il-komunitajiet li ser jintlaqtu mill-proġett propost mid-db Group u mbagħad fl-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru se torganizza konferenza bit-tema Planning for Liveable Places.

“Il-KA temmen li l-gżejjer tagħna mexjin lejn sistema ta’ ppjanar li mhux biss ma tagħtix kas li jitjieb l-ambjent li fih jgħixu l-komunitajiet, imma li lanqas jimpurtaha mill-bżonnijiet tagħhom,” ittemm tgħid l-istqarrija.

More in Politika