Servizz ġdid ta' shuttle-bus minn Pembroke għall-istudenti tal-Università

Ir-rotta TD 17 se tibda topera mit-Tnejn sal-Ġimgħa, minn Pembroke P&R direttament lejn Tal-Qroqq, qrib l-Iskate Park tal-Imsida

Il-Malta Public Transport qed tniedi servizz ġdid ta’ shuttle-bus għall-Università ta’ Malta mill-Park & Ride ta’ Pembroke.

B’parkeġġ limitat fiż-żona tal-Università, il-Malta Public Transport qed tintroduċi ir-rotta ġdida speċjali TD 17: Pembroke – University (Park & Ride) li se tibda topera mal-ftuħ tas-sena akkademika fl-ewwel ta’ Ottubru 2018.

Rotta TD 17 se tibda topera mit-Tnejn sal-Ġimgħa, minn Pembroke P&R direttament lejn Tal-Qroqq, qrib l-Iskate Park tal-Imsida. Il-vjaġġi jitilqu kull 15-il minuta bejn is-07:00 u s-18:00 – bil-frekwenza tinbidel għal kull 30 minuta, minn l-10:30 san-12:30.

Bħar-rotot l-oħra fis-sistema Tallinja Direct, it-tariffi huma ta’ €1.50 għal passiġġieri li jużaw it-Tallinja Card u €3.00 għal min jaqta’ biljett fuq il-karozza. Il-vjaġġ jiswa żewġ krediti jekk tintuża 12 Single Day Journeys Card, ekwivalenti għal €2.50.

Matul l-ewwel tliet xhur tar-rotta se jiġu analizzati id-domanda u x-xejriet fl-użu tas-servizz. Il-perjodu ta’ prova se jibqa’ sejjer sal-aħħar tas-sena 2018.

Id-Direttur Kummerċjali ta’ Malta Public Transport, Daniel Grech, qal li r-rotta l-ġdida se tħalli mpatt pożittiv fuq it-traffiku fit-toroq kif ukoll fuq is-sitwazzjoni tal-parkeġġ fiż-żoni ta’ madwar l-Università

 “Malta Public Transport ikkunsidrat is-siegħat moħlija li l-istudenti jakkumulaw fi tfittxija għal parkeġġ, u l-konsegwenzi negattivi li dan iħalli fuq il-kwalità tal-arja f’din il-parti ta’ Malta,” kompla jgħid Grech.

Wara diskussjonijiet ma’ Malta Public Transport, il-Kunsill Studenti Universitarji laqa’ dan is-servizz ġdid li se joffri alternattiva konkreta għall-użu privat tal-karozzi.

More in Politika