F’Boston, il-Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa’ mat-tmexxija ta’ Steward Healthcare, li f’Malta qed imexxu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u Karin Grech u anke l-iskola medika ta’ Barts.
Milqugħ mill-President ta’ Steward Healthcare International, Armin Ernst, Joseph Muscat żar il-kwartieri tal-kumpanija fejn ingħata preżentazzjoni dwar l-aħħar sistemi li Steward qed tadotta biex il-pazjenti tagħha jkollhom rekords mediċi miżmuma bl-aħjar teknoloġija. Dawn is-sistemi qed inaqqsu r-rata tal-mortalità b’mod sinifikanti.
Dr Muscat kellu wkoll l-opportunità li jara dawn is-sistemi waqt żjara f’St Elizabeth’s Medical Center li huwa wieħed mill-isptarijiet immexxija minn Steward Healthcare.
Hemmhekk iltaqa’ mal-istaff mediku responsabbli minn oqsma differenti tal-isptar, u li wħud minnhom diġà żaru Malta u Għawdex
Il-Prim Ministru ngħata wkoll spjegazzjoni dwar l-investiment qawwi li se jsir fiż-żmien li ġej f’dan iċ-ċentru mediku.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru rrefera għal din il-kumpanija bħala l-ikbar operatur privat fil-qasam tas-saħħa tal-Istati Uniti u tħaddem magħha 40,000 professjonist.