L-Arċisqof Charles Scicluna waqqaf il-Kummissjoni Dottrinali fi ħdan il-Konferenza Episkopali Maltija, u ħatar lil Mons. Hector Scerri bħala president tagħha għal perjodu ta’ tliet snin.
Il-Kummissjoni Dottrinali ser tagħti l-kontribut tagħha f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet marbuta mal-fidi u l-moralità Nisranija, u twassal ir-riflessjoni tagħha lill-Isqfijiet. Bil-pariri tagħha, il-Kummissjoni Dottrinali ser tgħin ukoll lill-Konferenza Episkopali fit-tħejjija ta’ dokumenti li jgħinu lill-poplu f’Malta u Għawdex fuq diversi aspetti tal-fidi Nisranija.
Il-membri tal-Kummissjoni huma Rev. Prof. Joe Agius OP, Rev. Christopher Caruana OP, Dr Nadia Delicata, Rev. Dr Jonathan Farrugia, Rev. Dr Richard-Nazzareno Farrugia u Dr Edward Warrington.