Magħluq għal kollox il-każ tal-Acapulco; Joe Gerada jwaqqa' l-libelli

...dan wara li l-Ministru Chris Cardona kien tilef iċ-ċans li jerġa' jiftaħ il-libelli li kienu ngħalqu

Joe Gerada, il-konsulent tal-Ministru għall-Ekonomija, Chris Cardona, waqqa’ l-libell li kien fetaħ kontra l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li kienet allegat li hu u l-Ministru kienu żaru l-burdell Acapulco waqt li kienu fuq żjara uffiċjali fil-Ġermanja.

Gerada waqqa’ l-libell, ftit xhur wara li l-Ministru Cardona tilef iċ-ċans li jerġa’ jiftaħ mill-ġdid il-libelli, li kienu waqgħu wara li l-avukati ta’ Caruana Galizia kienu talbu lill-Qorti biex dawn jaqgħu għax Cardona baqa’, għal aktar minn darba, ma deherx biex jagħti x-xhieda t-tiegħu.

Dan ifisser, li informazzjoni mill-mowbajls ta’ Cardona u Gerada u li tinsab għand il-Maġistrat se tibqa’ mhux magħrufa. Din l-informazzjoni kellha tinkludi informazzjoni dwar fejn kien il-Ministru u Gerada fil-ħin li fih Caruana Galizia allegat li kienu fil-burdell.

More in Politika