Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija tisħaq dwar il-bżonn tar-raba' vapur

...dan wara li lbieraħ wieħed mill-vapuri ġarrab ħsara u kellu jiżdied il-ħin tal-istennija

Wara li lbieraħ wieħed mill-vapuri ta’ Għawdex ġarrab xi ħsarat, il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija esprimiet id-diżappunt tagħha għas-servizz li qed ikun offrut u ħeġġet biex kemm jista’ jkun malajr jiżdied ir-raba’ vapur ta’ Għawdex.

Il-Kamra saħqet li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar se jinqalgħu problemi fil-vapuri, ġaladarba dawn qed jiqdiemu u issa għandhom madwar 18-il sena.

“Madanakollu wieħed irid jifhem li dewmien fis-servizz qed joħloq inkonvenjent għall-passiġġiera u qed joħloq ħsara rriparabbli lil Għawdex,” saħqet il-Kamra.

Kien hawn li tenniet li hemm bżonn ir-raba' vapur ġaladarba t-traffiku lejn Għawdex qed jiżdied u sar impossibbli li l-Kumpanija topera mingħajr bidla fil-flotta.

Il-Kamra tal-Kummerċ saħqet li għalkemm il-Ministeru u anke l-Kumpanija jidhru li qed japprovaw minn dan l-investiment, xorta waħda hemm bżonn il-permess ta’ awtoritajiet oħra.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-gazzetta ILLUM irrappurtat li d-deċiżjoni dwar ir-raba’ vapur ta’ Għawdex se tkun qed tittieħed wara li jintemm il-proċess ta’ riforma li bħalissa għaddejja minnu l-kumpanija Gozo Channel.

Mistoqsi mill-gazzetta ILLUM ittiħditx deċiżjoni dwar jekk il-kumpanija Gozo Channel hix se tkun qed iżżid il-flotta tagħha, u sa meta hu mistenni li jkun introdott ir-raba’ vapur, kelliem għall-Ministeru għal Għawdex wieġeb biss li “ladarba dan il-proċess ikun konkluż, il-kumpanija tkun f’pożizzjoni aħjar biex tħares ’il quddiem u timplimenta l-bidliet neċessarji.”

Kienet il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, li f’Novembru tas-sena li għaddiet ħabbret li l-Gvern qed iħares lejn il-possibbilità li jkun introdott ir-raba’ vapur.

Madanakollu, minn dakinhar ’l hawn, baqa’ mhux magħruf jekk ir-raba’ vapur hux se jkun qed jinbena f’Malta, jinkera jew inkella jinxtara mingħand kumpanija barranija.

Il-Ministru Caruana kienet reġgħet semmiet ir-raba’ vapur meta fis-17 ta’ Mejju li għadda kienet qed titkellem fil-Parlament dwar il-kritika li kienet qed tiffaċja l-kumpanija Gozo Channel.

Dakinhar, il-Ministru kienet qalet li l-akkwist tar-raba’ vapur mhux proċess faċli, aktar u aktar għax fi kliemha, it-terminals taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr huma mibnija speċifikament għall-vapuri ta’ Għawdex li ilhom jaqsmu l-fliegu snin sħaħ.

Caruana kienet saħqet li dan qed jagħmilha diffiċli mhux biss biex jinstab jew jinħadem ir-raba’ vapur, imma anke biex tinbidel il-flotta kollha tal-Gozo Channel.

More in Politika