Raġel lajk minn Ħal Għaxaq instab ħati li akkuża persuna innoċenti b'att kriminali u li għamel rapport fl-għassa tal-Pulizija dwar Dun Anton Grech meta kien jaf illi dan kien fil-fatt innoċenti.
Hu ingħata l-libertà kkundizzjonata, bil-kundizzjoni li ma jerġax jikser il-liġi fit-tliet snin li ġejjin.
Ir-raġel kien allega li hu għadda lil Dun Grech €89,776 għal proġetti fil-Gwatemala li kienu jikkonsistu f'kostruzzjoni ta' djar, għamara, razzett tat-tiġieġ u biex tingħata assistenza lill-iskola ta' San Manuel Chapparon.
L-akkużat kien qal lill-pulizija li Dun Grech kien żamm il-flus kollha għalih, imma fil-Qorti kien prattikament ħa lura l-akkuża tiegħu.
Il-Maġistrat Joe Mifsud illum qata' s-sentenza kontra r-raġel minn ħal Għaxaq hekk kif fil-Qorti Dun Grech ta' rakkont dettaljat ta' kif intefqu l-flus, rakkont li kien ippruvat permezz tad-dokumenti neċessarji. Il-qassis spjega wkoll kif ħafna drabi huwa kien talab lill-akkużat biex jitla' miegħu l-Gwatemala minħabba problema ta' xorb li għandu l-akkużat.
Iktar minn 20 persuna xehedet favur il-qassis missjunarju.
Il-Maġistrat Joe Mifsud sostna li Malta ma tistax tibqa' tittollera l-libertà tal-espressjoni wżata biex tkisser lin-nies, mingħajr ma' l-vittmi jkollhom rimedju neċessarju.
L-akkużat talab ukoll għar-rekuża tal-Maġistrat minħabba li dan ta xi xogħol ta' konsultazzjoni lill-Ministeru ta' Għawdex fil-passat. Din it-talba ma kinitx milqugħa.