Il-gazzetta ILLUM kellha xorti tiltaqa' ma' Josette Frendo, kemm qabel ma miet binha Jerome u anke wara u dejjem kienet omm pożittiva, li tipprova tħares lejn it-tazza nofsha mimlija. Imma għada jaħbat sena minn meta binha Jerome Frendo tilef il-battalja kontra l-kanċer u allura l-affarijiet jaf ma jkunux daqstant sbieħ f'dan il-mument.
Biex tfakkar dan Josette, li tmexxi wkoll il-Fondazzjoni 'Smiling with Jerome' bil-għan li tgħin lil dawk it-tfal u ġenituri li jgħaddu mit-trawma tal-kanċer, ħalliet messaġġ mill-aktar emozzjonali.
Hija tgħid li llum m'għadhiex tibża' mill-mewt imma saret tibża' mill-ħajja. "X'iben tlifna! Qabel kont nibża mill-mewt u ma ridthiex li tiġi. Wara mewtek, sirt nibża mill-ħajja. Nibża' li wara li nqum filgħodu, irrid niffaċċja ġurnata oħra mingħajrek - ġurnata kollha ħsibjiet fik - ġurnata bil-biki u uġigħ ta' qalb."
Josette tgħid illi Jerome kien talabha biex hi taħdem fuq il-Fondazzjoni lejl u nhar, "u hekk qiegħda nagħmel Jerome. U qed nagħmlu b'imħabba kbira għax ma rridx li l-familji jgħaddu minn dak li għaddejna minnu aħna. Għalhekk waqqafniha l-Fondazzjoni."
Dawk li jixtiequ jgħinu lill-Fondoazzjoni 'Smiling with Jerome', għafsu hawnhekk