'Here I Stand' – Messaġġ qawwi fid-debutt tal-kantanta Maria Spiteri

'Il-vidjo jidher tajjeb ħafna imma apparti minn hekk jinħass tajjeb u jiddeskrivi l-messaġġ tal-kanzunetta perfettament... nispera li aktar nies jiksbu l-għajnuna'

Maria Spiteri
Maria Spiteri

Friska mill-introduzzjoni tagħha għax-xena tal-mużika lokali, wara li ħadet sehem f’wieħed mill-aktar kompetizzjonijiet tal-kanzunetti popolari f’pajjiżna, Maria Spiteri mexxiet ‘l quddiem il-publikazzjoni tal-kanzunetta debutt tagħha, “Here I Stand”, miktuba mill-kittieb/produttur magħruf internazzjonalment, Toby Farrugia.

L-ewwel darba li dawn it-tnejn iltaqgħu kien propju fl-aħħar tas-sena 2017 lejn il-bidu tas-sena 2018 fejn Maria Spiteri kienet qed tieħu sehem f’kompetizzjoni televiżiva tal-kant, fejn l-għan aħħari kien li jinsab talent ġdid tal-kant.

Toby Farrugia kien membru tal-ġurija. Mill-ewwel wera interess li jaħdem magħha. Ir-riżultat finali kien  “Here I Stand”, kanzunetta originali li m’għandha l-ebda stil definit iżda għaġna ta’ ‘pop’ u ‘dance’.

Minħabba li dan huwa d-debutt tagħha fix-xena tal-mużika lokali, Maria flimkien mat-tim tagħha assiguraw rwieħhom li ma jħallu l-ebda ħsieb mhux esplorat u għaldaqstant impjegaw lil Loudneighbor Productions biex jaħdmu fuq vidjo mużikali li jmur mal-kanzunetta. Maria ma setgħetx tkun aktar kuntenta bir-riżultat finali, u qalet “li l-vidjo jidher tajjeb ħafna imma apparti minn hekk jinħass tajjeb u jiddeskrivi l-messaġġ tal-kanzunetta perfettament... nispera li aktar nies jiksbu l-għajnuna.”

“Here I Stand” tista’ tinstema’ jew tinxtara’ mill-mezzi jew ħwienet digitali kollha fosthom Spotify, Deezer, Google Play, Amazon, u iTunes taħt esklussivita ta’ ppubblikar u drittijiet lil CAP-Sounds, sotto-diviżjoni Ġermaniża fi ħdan il-Universal Music Group.

More in Politika