Aġġornata | L-istrajk tal-għalliema mhux se jsir...L-MUT tissospendi u twissi

Intlaħaq qbil bejn l-MUT u l-Ministeru li l-klawżoli l-ġodda li jikkonċernaw il-warrant u l-liċenzja marbutin mat-taħriġ u profiċjenza jitneħħew

Is-saga bejn l-MUT u l-Gvern ħadet żvolta ġdida illum hekk kif l-MUT ħabbret li se tissospendi l-azzjonijiet industrijali li kienet sejħet għal nhar it-Tnejn li ġej. 

L-MUT fi stqarrija sostniet illi talbet assigurazzjoni li l-ewwel nett il-klawżoli elenkati minnha fl-att jitneħħew qabel ma’ l-att jerġa jibda jiġi diskuss bejn iż-żewġ partijiet. "L-MUT insistiet ukoll li mhix ser taċċetta sitwazzjoni fejn jerġa' jingħad lilha li l-klawżoli ġew misinterpretati. Għaldaqstant intlaħaq qbil bejn l-MUT u l-Ministeru li l-klawżoli l-ġodda li jikkonċernaw il-warrant u l-liċenzja marbutin mat-taħriġ u profiċjenza jitneħħew."

Fl-istqarrija tagħha l-MUT tgħid ukoll illi  ntlaħaq ukoll qbil fil-prinċipju dwar emendi fil-klawżoli dwar il-kwalifiċi, il-homeschooling, il-liċenzji tal-iskejjel, l-istruttura tal-bordijiet, il-ġbir tal-informazzjoni u s-sigurtà.

"Dawn l-issues kienu kollha elenkati mill-MUT kmieni din il-ġimgħa. L-MUT issoktat ukoll u sar pjan bi qbil mal-Ministeru sabiex l-affarijiet pendenti bejn il-Ministeru u l-unjin jiġu indirizzati. B'hekk l-issues li għandhom l-edukaturi bħalissa jibdew jiġu solvuti. Aktar informazzjoni dwar dan ser tingħata lill-membri fil-jiem li ġejjin."

Finalment l-MUT insistiet illi jekk dan l-att jew oħrajn jitressqu mingħajr konsultazzjoni mal-unjin, tirriserva d-dritt li terġa ssejjaħ għal azzjoni industrijali. 

Inħarsu 'l quddiem għal paġna ġdida - Ministeru tal-Edukazzjoni

Intant fi stqarrija l-Gvern spjega kif dalgħodu saret laqgħa ta’ xogħol bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-Malta Union of Teachers, li fiha ġew diskussi temi importanti rigward l-edukazzjoni.

"Iż-żewġ partijiet iddiskutew it-triq ’il quddiem u fiż-żmien li ġej se ssir il-ħidma relata ma’ dawn it-temi importanti. Dan hu pass li fih rebaħ kulħadd. Abbażi ta’ dan, l-istrike ta’ nhar it-Tnejn 8 ta’Ottubru, mhux se jsir. Inħarsu ’l quddiem għal paġna ġdida ta’ ħidma favur it-tfal, l-edukaturi, il-ġenituri u l-pajjiż."

 

 

More in Politika