L-għalliema ddiżappuntati…imma l-Gvern x’qed jipproponi?
Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn dawk il-proposti li ressaq il-Gvern bl-għan li jirriforma l-Att dwar l-Edukazzjoni, liema proposti ma niżlu xejn mal-għalliema. X’qed jgħid il-Gvern u għaliex l-għalliema ma jaqblux?
minn Yendrick Cioffi
Wara li l-ġimgħa li għaddiet, il-Gvern ippreżenta tliet Abbozzi ta’ liġi bl-għan li jirriforma l-edukazzjoni f’Malta u dak kollu li għandu x’jaqsam magħha, diversi għalliema wrew it-tħassib tagħhom partikolarment dwar dawk il-klawżoli li jitrattaw il-‘warrant’ tagħhom.
Fost oħrajn, il-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) iddeskriviet il-proposti tal-Gvern bħala “assedju fuq il-professjoni u s-sistemi edukattivi” u insistiet li flok jibnu fuq it-tajjeb, dawn qed iħottu numru ta’ prinċipji li fuqhom hija mibnija l-edukazzjoni f’pajjiżna.
Kien dan li wassal lill-istess unjin biex tordna strajk, liema strajk ġie sospiż. Il-Unjin għall-Edukaturi Professjonali, fi ħdan il-UĦM, ukoll ingħaqdet mal-MUT f’dan l-istrajk u ħeġġitha biex iżżomm soda u mhux taqa’ għall-pressjoni tal-Ministeru u tirtira l-istrajk kif għamlet f’Novembru 2017, meta kien qed ikun diskuss il-ftehim settorjali.
L-istrajk kien irtirat ftit sigħat wara li l-Ministeru għall-Edukazzjoni ħabbar li se jirtira l-abbozzi u jerġa’ jiftaħ id-diskussjoni.
B’kollox, il-Ministru responsabbli mill-edukazzjoni ressaq tliet Abbozzi, l-ewwel wieħed biex jirriforma l-liġi dwar l-edukazzjoni f’Malta, it-tieni, biex jirregola l-istituzzjonijiet edukattivi u l-entitajiet edukattivi u t-tielet, biex jirregola l-professjonijiet fl-edukazzjoni.
Il-gazzetta ILLUM tat ħarsa lejn dawk il-proposti li l-għalliema huma mħassba dwarhom:
Il-warrant…meta tiġi sospiża? Meta tintilef għalkollox?
Waħda mill-proposti tobbliga lid-detenturi tal-‘warrant’ jew tal-liċenzja biex perjodikament jidħlu għal programmi ta’ “żvilupp professjonali kontinwu.” Dan ifisser li l-għalliema qed ikunu obbligati li jżommu ruħhom aġġornati u jitgħallmu ħiliet u anke kontenut ġdid.
Jekk għalliem ma jwettaqx dan l-obbligu, “il-‘warrant’ jew il-liċenzja tista’ tiġi sospiża sakemm l-edukatur jagħti prova li qed jissodisfa l-ħtiġijiet tal-obbligu.”
Biex ikun stabbilit jekk applikant kienx temm b’suċċess l-iżvilupp professjonali, il-Kunsill għall-Professjonijiet tat-Tagħlim u l-Professjonijiet Alleati, li l-proposta tgħid li għandu jkun imwaqqaf, jista’ jġiegħel lill-għalliem joqgħod għal eżami.
Apparti minn hekk, jekk jitwaqqaf, l-istess Kunsill, perjodikament se jkun qed jitlob lill-għalliema biex jagħtuh l-informazzjoni neċessarja li turi liema programmi jkunu segwew. Jista’ wkoll “formalment u bil-miktub” jiġbed l-attenzjoni ta’ edukatur jekk dan ikun naqas jagħmel “għadd ta’ sigħat” ta’ żvilupp professjonali u anke “jagħtih żmien raġonevoli” biex jikkonforma ruħu.
Jekk it-talba tal-Kunsill tibqa’ injorata, il-‘warrant’ jew il-liċenzja tiġi sospiża sa dak iż-żmien li d-detentur tal-‘warrant’ jagħti prova li jkun wettaq it-taħriġ stipulat.
Edukatur jitlef il-‘warrant’ jew il-liċenza biss, jekk jibqa’ ma jikkonformax mal-istruzzjonijiet mogħtija mill-Kunsill.
X’qed tgħid l-MUT?
Din kienet waħda mill-aktar proposti li qajmet reazzjoni negattiva fost l-għalliema, bl-MUT tiddeskriviha bħala “l-ewwel attakk fuq il-professjoni minn mindu beda l-istatus professjonali tal-għalliema fl-1988.”
Il-Unjin insistiet li l-ħtieġa tat-taħriġ kontinwu diġà tinsab fis-seħħ permezz ta’ ftehim eżistenti u saħqet li għalhekk din il-proposta ma kellix għalfejn tkun inkluża fl-Att u marbuta mal-‘warrant.’
L-MUT insistiet li l-Att il-ġdid ma jinkludix deskrizzjoni tal-ħtiġijiet biex persuna tingħata l-‘warrant’ tal-għalliem, kif hemm fl-Att eżistenti. Ma hemmx lanqas indikat, tgħid l-MUT, għal dak li hu meħtieġ biex KGE u LSE jingħataw liċenzja.
“Din l-ommissjoni tista’ twassal għal interpretazzjonijiet diversi u ta’ konvenjenza, biex ma ngħidux abbuż, ta’ x’inhu meħtieġ biex tikseb warrant jew liċenzja,” tkompli l-unjin.
Kif wieġeb il-Ministeru?
Min-naħa tiegħu, il-Ministeru ċaħad li dan is-sett ġdid ta’ liġijiet għas-sistema edukattiva se jkun qed jirrevoka il-‘warrants’ tal-għalliema.
Insista li apparti minn hekk, il-liġi se tkun qed tneħħi l-poter li kellu l-Ministru biex jagħti jew jieħu l-‘warrant’ lil min irid u dan il-poter se jkun issa f’idejn il-Kunsill għall-Professjonijiet tat-Tagħlim u l-Professjonijiet Alleati. Il-President ta’ dan il-Kunsill, se jkun appuntat mill-Ministru.
u jerġa’ jikkjarifika…
L-aktar paragrafu li qajjem diskussjoni jgħid hekk: “Kull persuna li, fid-data tal-bidu fis-seħħ ta’ dan l-Att, għandha ‘warrant’ permanenti miksub taħt id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Edukazzjoni, qabel ma ġie mħassar bl-Att tal-2018 dwar l-Edukazzjoni, għandha titqies li hi detentur ta’ ‘warrant’ bl-istess drittijiet u obbligi bħallikieku dak il-‘warrant’ kien inħareġ skont id-dispożizzjonijiet u l-kondizzjonijiet ta’ dan l-Att.
Fi stqarrija maħruġa nhar il-Ħamis li għadda, il-Ministeru reġa’ insista li fl-ebda ħin mhu qed jgħid li se jitħassar xi ‘warrant.’
Insista li lest jemenda dan il-paragrafu u jikkjarifika din il-parti li fi kliemu qed tiġi interpretata ħażin. Għalhekk, hu mifhum li din se tkun waħda mill-bidliet meta l-Gvern jerġa’ jressaq l-abbozzi.
Tagħlim fid-dar… min, kif u x’se jiġri?
Proposta oħra tagħmilha legalment aċċettabbli li ġenitur japplika lill-Kummissjoni Nazzjonali għat-Tagħlim tul il-Ħajja biex jipprovdi tagħlim fid-dar lill-minuri.
L-Abbozz inizzjali kien jiddefinixxi t-tagħlim fid-dar bħala: “L-edukazzjoni minn stadju għal ieħor ta’ minuri pprovduta jew organizzata mill-ġenitur tiegħu li permezz tagħha edukatur id-dar jipprovdi tagħlim lill-minuri, bi spejjeż għall-ġenitur, minflok edukazzjoni statali jew mhux statali skont id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima IV (aktar ’l isfel) u tar-regolamenti magħmula taħt dan l-Att, u skont id-dispożizzjonijiet tal-Att tal-2018 li Jirregola l-Edukazzjoni u "programm ta’ tagħlim fid-dar."
Dan kien jirreferi wkoll għal ‘edukatur id-dar,’ jiġifieri “kull persuna, inkluż il-ġenitur tat-tifel jew tifla, li jkun debitament awtorizzat li jipprovdi tagħlim fid-dar lil tifel jew tifla.”
It-talba għal ‘home-schooling’ tkun aċċettata f’dawn il-każijiet:
- Minuri li temporanjament jew b’mod permanenti jinsabu f’kundizzjoni ħażina ta’ saħħa jew għandhom marda serja jew kundizzjoni serja u li għalhekk ma jkunux jistgħux jattendu l-iskola
- Minuri li l-ġenituri tagħhom għandhom impjieg temporanju biss jew ikunu residenti temporanjament f’Malta
- Minuri li l-ġenituri tagħhom għandhom filosofiji diversi minn dawk li jipprovdu l-iskejjel tal-istat jew skejjel mhux tal-istat
Madanakollu, l-Abbozz kien jisħaq li l-applikazzjoni għal tagħlim fid-dar ma tistax issir fuq “bażi razzista jew raġuni simili” u anke għal raġunijiet li l-Kummissjoni ma tkunx tqis li huma xierqa meta tqis iċ-ċirkostanza kollha.
Apparti minn hekk kien jindika li t-tagħlim fid-dar se jkun permessibbli biss meta “jitqies li jkun fl-aħjar interess tal-minuri meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi u sitwazzjonijiet tal-minuri u l-familja tiegħu.”
Il-Ministeru ppropona li jkun il-Ministru li wara li jikkonsulta mal-Kummissjoni jagħmel regolamenti biex:
- Jipprovdi għal regolarizzazzjoni ta’ tagħlim fid-dar,
- Jipprovdi għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni biex jingħataw programmi ta’ taħriġ fid-dar,
- Jistabbilixxi kriterji dwar il-kwalifika u l-awtorizzazzjoni ta’ edukatur fid-dar u għat-tneħħija ta’ awtorizzazzjoni bħal din, u
- Għall-akkreditazzjoni ta’ programmi ta’ tagħlim fid-dar, fost oħrajn.
X’qed tgħid l-MUT?
L-ewwel punt li l-Unjin qed tikkritika huwa l-fatt li fi kliemha, l-Abbozz ma jinkludix il-ħtieġa ta’ ‘warrant’ biex ikun jista’ jingħata l-permess meħtieġ. L-MUT qed tisħaq li din l-edukazzjoni se tkun qed tingħata minn persuni mhux ikkwalifikati.
Il-proposti jisħqu biss li “kull persuna li tipprovdi tagħlim fid-dar mingħajr liċenzja mill-Kummissjoni tkun ħatja ta’ reat u teħel multa meta tinstab ħatja.” L-istess jgħodd meta persuna li jkollha liċenzja ma tkunx konformi dejjem mal-kundizzjonijiet kollha impost mill-Kummissjoni.
Iżda għall-MUT dan mhux biżżejjed u “jagħti ftit serħan il-moħħ li l-persuna responsabbli hi kkwalifikata.”
Minkejja dak stipulat fl-Abbozzi li kienu ppreżenati, l-MUT qed tibqa’ tinsisti li deċiżjonijiet bħal dawn se jwasslu għal “estremiżmu u abbużi moħbija… fejn kulħadd ikun jista’ jgħallem li jrid jew inkella ma jibgħatx lit-tfal skola biex jaħbi abbużi li jkun qiegħed iwettaq fuq it-tfal innifishom.”
Temmet tisħaq li l-provvediment huwa dannuż għall-istudenti u perikoluż għas-soċjetà. Taqbel biss mal-proposta f’każijiet fejn l-istudent ikun marid serjament.
Daqqa ta’ ponn lill-għalliem… €5,000 ftit wisq
Ir-riforma tirrimarka wkoll li kull min jhedded jew jagħmel offiża fuq “il-persuna ta’ għalliem jew inkella xi uffiċjal ieħor jew impjegat ta’ skola, jew fuq persuna oħra involuta fl-organizzazzjoni ta’ attività edukattiva,” jeħel il-piena stabbilità għat-theddid jew għall-offiżi, skont kif stabbilit f’artiklu 95 tal-Kodiċi Kriminali.
Dan ifisser li akkużat jista’ jeħel multa ta’ mhux inqas minn €800 u mhux iżjed minn €5,000.
Dan jgħodd ukoll għal dawk il-persuni involuti “f’attività edukattiva kulturali, soċjali jew sportiva,” bħal ngħidu aħna, għalliema tal-mużika jew inkella kowċ tal-futbol.
X’qed tgħid l-MUT?
L-MUT lanqas dwar dan ma kienet kuntenta u insistiet li multa ta’ €5,000 hija ftit wisq biex isservi ta’ detterrent.
L-MUT qed tinsisti li l-klawżola tinfetaħ u tirreferi speċifikament ukoll għal-LSEs, il-KGEs u l-SMT.
Tinsisti li s-sanzjonijiet għandhom jinkludu wkoll miżuri preventivi oħra, inkluż “l-ingaġġ ta’ membri tas-sigurtà f’kull skola.”
Il-Kap tal-iskola…aktar piż u aktar responsabbilità
L-Att biex jirregola l-istituzzjonijiet edukattivi u entitajiet edukattivi kien jirreferi għal kap ta’ skola bħala, “il-persuna naturali li tmexxi u tamministra skola, li f’isimha tkun inħarġet il-liċenzja tal-iskola.”
L-Abbozz inizzjali jisħaq li l-applikant għal liċenzja ta’ istituzzjoni edukattiva għandu jindika fl-applikazzjoni d-dettalji tal-kap tal-iskola magħżul u jekk il-liċenzja hijiex se tinħareġ f’isem dak il-kap tal-iskola fil-kapaċità tiegħu personali jew bħala rappreżentant ta’ kort ta’ persuni, istituzzjoni jew ordni reliġjuż.
Il-proposti jispjegaw li f’każ ta’ istituzzjoni edukattiva, kull liċenzja għandha tkun f’isem il-persuna magħżula fil-kapaċità personali tagħha jew bħala rappreżentant ta’ korp ta’ persuni, istituzzjoni jew ordni reliġjuża.
Kienu jistipolaw wkoll li “il-persuna magħżula li f’isimha tinħareġ il-liċenzja għandha tkun personalment responsabbli li tiżgura li l-obbligi kollha marbutin ma’ dik il-liċenzja jkunu osservati dejjem kemm jekk dik il-liċenzja nħarġet f’isimha personalment kemm jekk bħala rappreżentant ta’ korp ta’ persuni, istituzzjoni jew ordni reliġjuża.”
Apparti minn hekk, kull persuna li jkollha liċenzja biex twaqqaf u tmexxi istituzzjoni edukattiva u li ma tkunx konformi mal-kundizzjonijiet minimi nazzjonali u kull kundizzjoni imposta mill-Kummissjoni Nazzjonali għat-Tagħlim tul il-Ħajja, tkun ħatja ta’ reat u teħel multa.
X’qed tgħid l-MUT? Il-Unjin Maltija tal-Għalliema qed toġġezzjona wkoll li l-kapijiet tal-iskejjel jistgħu jitqiesu personalment responsabbli.
Minkejja li l-Att il-ġdid jirreferi għall-kap tal-iskola bħala d-detentur tal-liċenzja, l-MUT tisħaq li l-kapijiet tal-iskejjel tal-istat qatt ma jistgħu jkunu d-detenturi tal-liċenzja “meta dawn għandhom kontroll limitat ħafna fuq dak li jiġri fl-iskola, inkluż fuq l-ingaġġ, finanzi, riżorsi, kurrikulu u policies dwar aspetti varji tat-tmexxija maħruġa mid-direttorati.”
Kummissjoni ġdida…xogħol iffukat jew aktar kontroll?
L-abbozzi kienu jipprovdu għat-twaqqif ta’ Kummissjoni Nazzjonali ta’ Malta għal Tagħlim tul il-Ħajja.
Fost oħrajn, din il-Kummissjoni, jekk titwaqqaf, se tkun qed tistabbilixxi u żżomm il-Qafas kollu tal-Kurrikulu Nazzjonali u tar-Riżultati ta’ Tagħlim “biex tiddefinixxi aħjar l-esperjenza edukattiva ta’ student fl-edukazzjoni pre-obbligatorja, obbligatorja, u sekondarja ogħla.”
L-istess Kummissjoni għandha tagħti parir lill-Gvern dwar kull materja regolatorja li hi konnessa mal-edukazzjoni.
Filwaqt li tagħti lista twila ta’ dak li se jkun il-kompitu tal-Kummissjoni, fi ftit kliem l-Att jispjega li din għanda “tirregola, tiggwida, tevalwa, tivverifika, tirriċerka u tirrapporta dwar diversi elementi, inklużi l-esperjenzi u l-eżiti jew riżultati tas-sistema ta’ edukazzjoni bl-għan li tassigura edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd.”
Fost oħrajn, din il-Kummissjoni għandha taġġixxi wkoll bħala:
- l-awtorità kompetenti għall-għoti ta’ liċenzji, akkreditazzjoni, assikurazzjoni ta’ kwalità u oħrajn, u
- se tiddeċiedi wkoll dwar l-applikazzjonijiet ta’ ġenituri li jixtiequ jipprovdu tagħlim fid-dar.
Jekk din il-proposta timmaterjalizza, il-Bord tal-Kummissjoni se jkun kompost minn mhux aktar minn disa’ membri, li se jkunu maħtura mill-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni.
Klawżola oħra kienet tisħaq li mingħajr l-ebda ksur tal-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data, “il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għal kull informazzjoni pertinenti disponibbli għal istituzzjonijiet edukattivi u għandu jkollha d-dritt li titlob kull data li tista’ tkun teħtieġ biex tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet tagħha minn provdituri kemm pubbliċi kif ukoll privati u dik id-data għandha tkun mgħoddija lilha fi żmien raġonevoli minn meta tintalab.”
X’qed tgħid l-MUT? Il-Unjin qed tinsisti li din il-Kummissjoni se tkun immexxija minn bordijiet ikkontrollati sew mill-Gvern. Qed tinsisti li din il-Kummissjoni se ġġib flimkien żewġ entitajiet “li qed jaħdmu tajjeb,” u ser “tinħoloq struttura enormi u kumplessa li mhux bilfors se ssarraf f’edukazzjoni ta’ kwalità aħjar.
Dwar il-ġbir tal-informazzjoni, l-MUT saħqet li din l-istess deċiżjoni kienet qajmet furur xhur ilu u appellat lill-Gvern biex jassigura li din tinġabar fil-kuntest tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data (GDPR) u tkun limitata biss għal dak li hu meħtieġ.