Il-PN jirbaħ il-Kawża Kostituzzjonali kontra l-Kummissjoni Elettorali
Il-każ idur mal-ħlas tal-pagi ta' żewġ uffiċjali tal-PN minn Silvio Debono, is-sid tal-Grupp db
minn Yendrick Cioffi
Il-Partit Nazzjonalista rebaħ il-Kawża Kostituzzjonali li kien fetaħ kontra l-Kummissjoni Elettorali u l-Avukat Ġenerali wara deċiżjoni li kienet ittieħdet biex l-istess Kummissjoni tinvestiga l-finanzjament tal-partit.
L-Imħallfin iddikjaraw li l-Kummissjoni Elettorali ma tistax tkun l-investigatur, il-prosekutur u tagħti l-ġudizzju tagħha fl-istess ħin u jekk tagħmel dan tkun qed tidher il-Kostituzzjoni u l-Artiklu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea.
F’Marzu tal-2017, il-Partit Nazzjonalista kien akkużat li kiser il-liġi meta Silvio Debono, is-sid ta’ db Group, kien qal li ntalab mill-Partit biex iħallas il-pagi ta’ żewġ uffiċjali tiegħu permezz ta’ donazzjonijiet lil Media.Link, il-kumpanija tal-midja tal-PN.
Dan kien wassal lill-Kummissjoni Elettorali biex twaqqaf bord investigattiv biex jinvestiga l-każijiet kollha simili ta’ ksur ta’ liġi li dwarhom tinġibdilha l-attenzjoni.
Madanakollu, il-Partit Nazzjonalista kien saħaq li l-Kummissjoni ma tistax tkun l-investigatur, il-prosekutur u tagħti l-ġudizzjoni fl-istess ħin, bl-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil jisħaq li hemm sentenzi tal-Qorti li jagħtu raġun lill-argument tal-Partit.
F’April, li għadda, il-Qorti kienet iddeċidiet kontra l-Partit Nazzjonalista iżda wara li kien appella, il-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat li wara li tkun investigat, il-Qorti Kostituzzjonali ma tistax timponi wkoll ġudizzju.
Temmet tisħaq li l-proċess innifsu, taħt il-Liġi dwar il-Finanzjament tal-Partiti, jonqos milli jiggarantixxi l-indipendenza u l-imparzjalità li huma neċessarji skont il-Kostituzzjoni.
Il-Gvern se jkun qed jaħdem sabiex isiru emendi
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ġustizzja qal li s-sentenza tal-lum kienet l-eżitu ta’ appell mill-Partit Nazzjonalista wara li l-Ewwel Qorti kienet ċaħdet it-talbiet tal-istess Partit Nazzjonalista.
"Il-Gvern jinnota li l-Qorti Kostituzzjonali sabet li l-fatt li l-Kummissjoni Elettorali għandha funzjoni investigattiva ma tikser ebda dritt ta’ smigħ xieraq. Madanakollu l-Qorti qalet li l-Kummissjoni Elettorali m’għandhiex ikollha d-dritt li tiġġudika abbażi tal-provi miġbura u sussegwentement timponi multi amministrattivi u dan għaliex il-Kummissjoni Elettorali mhijiex qorti. Il-Gvern għalhekk se jkun qed jaħdem sabiex isiru emendi," tisħaq l-istqarrija.
Tkompli tgħid li l-Qorti Kostituzzjonali qalet ukoll li f’dan il-każ li kellha quddiemha, fejn kien allegat li l-Partit Nazzjonalista kiser id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Finanzjament tal-Partiti Politici, l-ilment kien għadu fi stadju investigattiv u li l-Kummissjoni kienet għadha ma xliet lil ħadd.
Il-Gvern ħa nota tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li ngħatat illum fir-rigward tal-liġi dwar il-Finanzjament tal-Partiti Politiċi wara li l-Partit Nazzjonalista kien ġie allegat fil-konfront tiegħu li kiser id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi in konnessjoni ma’ donazzjonijiet allegatament abbużivi. Is-sentenza tal-lum kienet l-eżitu ta’ appell intavolat mill-Partit Nazzjonalista wara li l-Ewwel Qorti kienet ċaħdet it-talbiet tal-istess Partit Nazzjonalista.
Il-Gvern jinnota li l-Qorti Kostituzzjonali sabet li l-fatt li l-Kummissjoni Elettorali għandha funzjoni investigattiva ma tikser ebda dritt ta’ smiegħ xieraq. Madanakollu l-Qorti qalet li l-Kummissjoni Elettorali m’għandhiex ikollha d-dritt li tiġġudika abbażi tal-provi miġbura u sussegwentement timponi multi amministrattivi u dan għaliex il-Kummissjoni Elettorali mhijiex qorti. Il-Gvern għalhekk se jkun qed jaħdem sabiex isiru emendi.
Il-Gvern jinnota li l-Qorti Kostituzzjonali qalet ukoll li f’dan il-każ li kellha quddiemha fejn il-Partit Nazzjonalista ġie allegat fil-konfront tiegħu li kiser id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Finanzjament tal-Partiti Politici, l-ilment kien għadu fi stadju investigattiv u li l-Kummissjoni kienet għadha ma xliet lil ħadd.