Il-Maġistrat Robert Mangion laqa' t-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex il-Prim Ministru Joseph Muscat u anke l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici jixhdu fil-każ li fetaħ biex ikun ippubblikat ir-rapport sħiħ tal-inkjesta Egrant.
Delia fetaħ Kawża Kostituzzjonali li permezz tagħha qegħed jakkuża lill-Avukat Ġenerali Peter Grech li kiser il-Kostituzzjoni meta rrifjuta li jagħtih l-inkjesta sħiħa.
Tul is-seduti li għaddew, Peter Grech qal li apparti l-Prim Ministru għadda kopja tal-inkjesta lill-Ministru Owen Bonnici għax kien qed jgħin lill-Prim Ministru jeżamina l-inkjesta u jagħtih pariri dwar il-pubblikazzjoni tagħha.
Il-konklużjonijiet tal-inkjesta kienu ppubbliklati f'Lulju li għadda, bil-Maġistrat Aaron Bugeja jikkonkludi li ma hemm l-ebda evidenza li torbot lill-Prim Ministru jew lil martu mal-kumpanija Egrant fil-Panama.