Il-Partit Demokratiku talab li minnufih jitwaqqaf task force biex titnieda strateġija għall-industrija tat-tonn f’Malta.
Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku saħaq li din l-industrija, li kull sena tagħmel dħul ta’ €120,000,000 hu ekwivalenti għal 1% tal-Prodott Gross Domestiku.
“Din l-industrija multi-miljunarja tħalli ftit li xejn profitt għall-kaxxa ta’ Malta waqt li qed jiġi sfruttat id-dominju pubbliku ta’ pajjiżna u tagħmel pressjoni fuq ir-riżorsi naturali tagħna,” tkompli l-istqarrija.
Il-Partit Demokratiku saħaq li bħalissa, il-ħames rziezet, “mhux biss ħakmu l-aġenda interna tas-sajd,” imma joperaw taħt ‘l-Aquaculture Stategy for the Maltese Islands,’ li fi kliemu hija “daħk fil-wiċċ” għax skontu qatt ma saret analiżi olistika dwar kemm Malta tista’ tkampa bis-sitwazzjoni preżenti.
“Imma, ġib il-għaġeb, l-Awtorità tal-Ippjanar qed tipproċessa l-applikazzjoni kontroversjali PA/02175/18, fejn in-numru ta’ gaġeġ se jirdoppja minn 12 għal 24 meta diġà hemm 27 bħalissa. Barra minn hekk, l-ebda kunsiderazzjoni m’hi qed tittieħed li l-applikant (1) waqa' kontumaċji, (2) huwa riċediv, u (3) qed jopera f’sit marittimu fuq bażi temporanja.”
L-istqarrija ttemm issejjaħ għal governanza tajba favur l-assi marittimi u r-riżorsi naturali ta’ pajjiżna.