'L-allegazzjonijiet dwar Cardona jixhdu li l-investigazzjoni qed issir' - PM

Il-Prim Ministru jirreaġixxi għall-allegazzjonijiet ġodda ppubblikati mill-Proġett Daphne dwar il-Ministru Cardona

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-allegazzjonijiet il-ġodda li lbieraħ ġew ippubblikati dwar il-Ministru Chris Cardona, huma parti mill-inkjesta maġisterjali u jixhdu li l-investigazzjoni qed issir.

Mistoqsi għal reazzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li filwaqt li ma jistax jgħid jekk dak li qed jingħad hux minnu jew le, jibqa’ l-fatt li l-informazzjoni ħarġet minn xhieda mogħtija waqt l-investigazzjoni.

“L-allegazzjonijiet qalhom wieħed mix-xhieda li xehed quddiem il-maġistrat li qed nimexxi l-inkjesta. Dan jixhed li l-investigazzjoni għaddejja,” qal il-Prim Ministru.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Chris Cardona rrefera għall-istqarrija maħruġa lbieraħ u tenna li dawn l-allegazzjonijiet “huma serji, ta’ dannu kbir, u fuq kollox foloz."

Il-ġurnalisti staqew ukoll lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne li saħaq li Cardona wieġeb għal dawn l-allegazzjonijiet u poġġa ruħu għad-disposizzjoni tal-awtoritajiet.

Kemm Muscat, Cardona u Fearne kienu qed jattendu għal laqgħa tal-Kabinett li dalgħodu saret fl-Isptar Mater Dei.

More in Politika