'Jekk ma jkeċċix lill-Ministru Cardona, Muscat jikkonferma li qed imexxi l-konfoffa'

Occupy Justice jakkużaw lill-Gvern b’indħil politiku u li qed jimmanipula l-provi biex ma ssirx ġustizzja

Ritratt | Attivisti ta' Occupy Justice qudiem l-Għassa tal-Belt f'April li għadda
Ritratt | Attivisti ta' Occupy Justice qudiem l-Għassa tal-Belt f'April li għadda

L-Attivisti ta’ Occupy Justice qed jitolbu lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex “ikeċċi” lill-Ministru Chris Cardona u jisħqu li jekk ma jkeċċihx ikun qed “jerġa' jikkonferma li l-konfoffa biex tinħeba l-verità hija mmexxijja direttament minnu.”

Huma qalu dan hekk kif dalgħodu, wara l-allegazzjonijiet ippubblikati lbieraħ mis-sit tal-ġurnal Taljan La Repubblika, marru l-għassa tal-Belt Valletta biex jinfurmaw lill-Pulizija dwar l-allegazzjonijiet u jħeġġuha tiegħu passi li fi kliem Occupy Justice, imisshom ilhom li ħadu.

“Nesiġu r-riżenja ta’ Chris Cardona u stħarriġ dwar x’kien jaf, x’jaf u għalfejn gideb fuq dak li kien jaf,” stqarru l-attivisti.

Huma għamlu tagħhom l-allegazzjonijiet tal-Proġett Daphne u saħqu li l-Ministru Chris Cardona kien jaf lill-allegat assassin Alfred Degiorgio u ltaqa’ miegħu qabel Degiorgio allegatament qatel lil Daphne Caruana Galizia

“Mill-ġdid il-ġurnaliżmu investigattiv qed jikxef il-ħabi tal-istituzzjonijiet tagħna. Chris Cardona kien jaf lil Alfred Degiorgio u hemm xhieda ta’ attività soċjali intima u privata fejn kienu flimkien,” saħqu l-attivisti. “Chris Cardona qed jigdeb fuq dak li jaf.”

La Repubblica lbieraħ irrappurtat ukoll li s-servizzi sigrieti Maltin żammew mill-Maġistrat Anthony Vella (issa Imħallef) informazzjoni dwar kommunikazzjoni bit-telefon li, skont l-attivisti, setgħet tefgħet dawl fuq ir-relazzjoni ta’ bejn Alfred Degiorgio u Chris Cardona.

Jakkużaw lill-Pulizija li 'saffew' l-informazzjoni

“Hu ċar li r-relazzjoni viċina ħafna tal-Ministru Chris Cardona mal-persuni li wettqu l-qtil tagħmel il-pożizzjoni tiegħu fil-Gvern waħda li mhix tenibbli. Mhix skuża li Chris Cardona kien jipprattika ta’ Avukat f’każijiet ta’ natura kriminali. Hawn mhux qed nitkellmu fuq konoxxenzi fl-imgħoddi bejn klijenti u avukat: qed nitkellmu dwar ħbiberiji u familjarità miżmuma bejn Ministru tal-Gvern u persuni magħrufa mill-pulizija u mis-servizzi ta’ sigurtà għall-kuntrabandu, traffikar ta’ droga u assassinji b’kuntratti,” insistew l-attivisti.

Saħqu li dan “hu periklu ċar u inaċċettabbli għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja."

Fakkru wkoll li “sigħat biss wara l-qtil, il-pulizija waslet għall-verdett li l-qtil ma kellu ebda konnessjoni politika u bdiet tinforma b’hekk lill-istampa. Akkużaw lill-Pulizija li taħt il-kontroll tal-Assistent Kummissarju Silvio Valletta, "saffiet l-informazzjoni biex tbiegħed kull indizju ta’ konnessjoni politika." (Valletta ma għadux involut fil-każ)

Kien hawn li akkużaw ukoll lill-Gvern b’indħil politiku u li qed jimmanipula l-provi.

Intant, il-Ministru Chris Cardona rrefera għall-allegazzjonijiet bħala “ “huma serji, ta’ dannu kbir, u fuq kollox foloz."

Dalgħodu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-allegazzjonijiet il-ġodda li lbieraħ ġew ippubblikati dwar il-Ministru Chris Cardona, huma parti mill-inkjesta maġisterjali u jixhdu li l-investigazzjoni qed issir.

More in Politika