Żminijietna jitolbu li tiżdied il-paga minima

...jippropnu wkoll illi l-gvern jiftaħ ċentri tax-xogħol għall-immigranti

L-organizzazzjoni xellugija Żminijietna qalet li "Il-Baġit 2019 għandu jindirizza dħul baxx, l-inugwaljanza fil-propjetà, u l-ambjent. It-triq 'il quddiem għal Ewropa soċjali u ekoloġika għandha tibda lokalment".

Żminijietna titlob għal żieda fil-paga minima statutorja nazzjonali u għal miżuri "tanġibbli li jindirizzaw l-inugwaljanza fil-qasam tal-propjetà speċjalment għal dawk li ma jistgħux jaffordjaw il-kera."

"Barra minn hekk, iż-żieda fil-benefiċċji soċjali għandha timmira lejn dawk l-aktar vulnerabbli, li jinkludu ġenituri waħedhom, immigranti irregolari u dawk li jaqilgħu dħul baxx u pensjonanti bi dħul baxx. Żminijietna wkoll titlob għal leave imħallas għal vittmi ta' abbuż domestiku sabiex jkunu f’qagħda li joħorġu mis-sitwazzjoni mingħajr ma jitilfu xogħol".

"Dwar l-immigrazzjoni, il-Gvern għandu jiftaħ ċentri tax-xogħol ġodda għall-immigranti sabiex ma jkollhomx għalfejn jirrikorru għat-toroq tal-Marsa għax-xogħol. Din l-inizjattiva tgħin biex jitrażżan l-abbuż fuq l-immigranti u jiġi rregolarizzat l-impjieg tagħhom. "

Rigward l-ambjent, Żminijietna qalet li "s-sistema ta’ reverse vending machine’ għandha tidħol fis-seħħ kemm jista' jkun malajr. Il-Gvern għandu jinvesti aktar fil-proġetti ta' afforestazzjoni u kampanji ta' tindif. Barra minn hekk il-kumpaniji li jtellgħu l-ilma mill-pjan għandhom ikunu obbligati li jħallsu aktar għal din ir-riżorsa".

"Finanzjarjament, il-gvern għandu jindirizza l-evażjoni tat-taxxa, iżid it-taxxi fuq dħul għoli u jerġa jinnazzjonalizza entitajiet strateġiċi", iddikjarat Żminijietna – Leħen ix-Xellug.

 

More in Politika