Kim Jong-un, stieden lill-Papa Franġisku biex iżur il-Korea ta’ Fuq.
Dan qaluh uffiċjali tal-Uffiċċju Presidenzjali tal-Korea ta’ Isfel li spjegaw ukoll kif se jkun il-President tal-Korea ta’ Isfel, Moon Jae-in, li se jwassal dan l-invit lill-Papa.
Moon Jae-in, se jkun qed iżur il-Vatikan il-ġimgħa d-dieħla bħala parti minn żjara li se jagħmel fl-Ewropa.
L-ebda Papa qatt ma żar il-Korea ta’ Fuq għalkemm il-Papa Ġwanni Pawlu II kien ġie mistieden.
Il-Korea ta’ Fuq u l-Vatikan ma għandhom l-ebda relazzjoni diplomatika bejniethom.
Dan l-invit qed jitqies bħala wieħed mis-sensiela ta’ ġesti tal-mexxej tal-Korea ta’ Fuq li qed jipprova jbiddel il-perspettiva li ħafna pajjiżi għandhom tiegħu.
Aktar kmieni din is-sena, Kim Jong-un iltaqa’ mal-President Amerikan Donald Trump f’summit bla preċedent.
Fl-aħħar xhur ġew organizzati wkoll tliet laqgħat bejn il-mexxejja tal-Korea ta’ Fuq u dawk tal-Korea ta’ Isfel.