Il-Knisja qed tevalwa 12-il allegazzjoni ta' abbuż fuq minuri

Is-Safeguarding Commission tal-Arċidjoċesi tippreżenta r-rapport annwali tagħha għas-sena 2017

Preżentament is-Safeguarding Commission fi ħdan l-Arċidjoċesi qed tevalwa 12-il ilment li jikkonċernaw abbuż fuq minuri. Dan ma jfissirx li fil-każijiet kollha hemm involuti membri tal-kleru, imma jista’ jkun hemm ukoll lajċi impenjati fi ħdan il-Knisja.

Dan qalu, Andrew Azzopardi hekk kif illum ġie ppreżentat ir-rapport annwali ta’ din il-Kummissjoni li l-għan tagħha huwa li tħares it-tfal u l-adulti vulnerabbli.

Skont ir-rapport, matul is-sena li għaddiet, il-Kummissjoni rċeviet tliet rapport ta’ allegazzjonijiet ta’ abbuż fuq minuri li nstabu li kienu sostanzjati.

Dawn kienu jinvolvu saċerdot djoċesan, patri u lajk. Fit-tliet ċirkustanzi, il-każijiet ġew riferuti lill-Pulizija għall-investigazzjoni u anke ġiet imposta restrizzjoni fuq l-attività pastorali tal-persuni kkonċernati.

Apparti minn hekk, sa tmiem is-sena, il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll l-evalwazzjoni ta’ numru ta’ lmenti mressqa għall-attenzjoni tagħha.

Minn dawn l-ilmenti, 10 ma ġewx ippruvat, tlieta kienu infondati u tliet ilmenti ma kinux dwar abbuż iżda xorta ġew riferuti lill-entitajiet oħra.

Tliet ilmenti ta’ abbuż fuq adulti vulnerabbli; oħrajn mhux ippruvati

Dwar ilmenti li jikkonċernaw adulti vulnerabbli, il-Kummissjoni sabet li mill-ilmenti li rċeviet fl-2017, tlieta ma ġewx ippruvati, tlieta kienu infondati u sitta ġew riferuti lil entitajiet oħra għax ma kinux jikkonċernaw abbuż sesswali, fiżiku, emozzjonali, sfruttament jew bullying.

Fil-preżent, il-Kummissjoni qed tevalwa tliet ilmenti oħra.

Il-każ Fr Charles Fenech…

Il-Kap tal-Kummissjoni fakkar ukoll li l-Isqfijiet Maltin iddeċidew li jipprojbixxu saċerdot milli jkompli jeżerċita l-ministeru tas-saċerdozju, minkejja d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell.

“Dan juri li l-Knisja timxi bi kriterji speċifiċi u aktar stretti minħabba r-responsabbilità li l-liġi tal-Knisja tpoġġi fuq kull membru tal-kleru,” saħaq Azzopardi.

Fl-aħħar ġimgħat, il-Qorti tal-Appel biddlet is-sentenza mogħtija lill-eks Direttur tal-Moviment Keyrgma, Patri Charles Fenech. Filwaqt li xorta sabitu ħati ta’ atti sesswali fil-pubbliku, ħelsitu mill-akkuża li abbuża minn persuni vulnerabbli, għax skontha, ir-rapport kien wieħed kunsenswali.

2,155 fil-Knisja jissodisfaw il-kriterji biex jaħdmu mal-minuri

Azzopardi qal ukoll li l-Kummissjoni temmet proġett pilota ma’ sitt entitajiet tal-Knisja li evalwa l-miżuri mħaddma u kkunsidra metodi ġodda fil-qasam tal-prevenzjoni mill-abbuż.

Il-Kummissjoni ssottomettiet ukoll għadd ta’ applikazzjonijiet quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja biex tikkonferma li 2,155 persuna fil-Knisja li jaħdmu mal-minuri jissodisfaw il-kriterji meħtieġa skont il-Liġi.

More in Politika