Ilejla fil-Parlament l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil reġa insista illi hu jemmen li Egrant hija tal-Prim Ministru Joseph Muscat, allegazzjoni li inizzjalment kienet saret minn Daphne Caruana Galizia.
Busuttil saħaq li r-rapport tal-Maġistrat Aaron Bugeja ma jgħidx li Egrant mhix tal-Prim Ministru, imma li ma nstabux biżżejjed provi li hija tal-Prim Ministru. Busuttil jinnota li hemm diffferenza bejn dawn it-tnejn.
Ir-rapport tal-inkjesta, liema inkjesta damet għaddejja iktar minn sena, jgħid li m'hemm xejn li jorbot lill-Michelle Muscat ma' Egrant. Il-konklużjonijiet jgħidu wkoll illi fil-Bank Pilatus ma kienx hemm kont f'isem il-kumpanija Egrant u li allura m'għaddewx l-allegati $1 miljun mill-Ażerbajġan għal dan il-kont. Bugeja sab ukoll li l-firma tar-rappreżentanta ta' Mossack Fonseca fuq id-dikjarazzjoni li allegatament turi li Michelle Muscat hija sidt il-kumpanija, kienet falza filwaqt li sab diskrepanza notevoli bejn ix-xhieda ta' Caruana Galizia u Maria Efimova. Caruana Galizia qalet lill-Maġistrat illi kienet Efimova li tatha d-dikjarazzjoni dwar Egrant, hekk kif ħaditha mill-Bank Pilatus, filwaqt li Efimova qalet li kienet Caruana Galizia li tatha din id-dikjarazzjoni.
Kif kien żvela dan is-sit, Efimova, ix-xhieda prinċipali, qatt ma tat dokumenti lill-Maġistrat. Kien Pierre Portelli, dak iż-żmien Editur mal-gazzetta The Malta Independent li għadda din id-dikjarazzjoni fil-Qorti.
Intant id-Deputat Speaker keċċiet lid-Deputat Glenn Bedingfield 'l barra mill-Parlament u wissiet li mhix se tippermetti li jintqal kliem ħażin fil-Parlament.