Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant saħaq li l-paga minima fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea għandha tiżdied b'5% biex tirrifletti l-kundizzjonijiet tal-pajjiżi nazzjonali.
Dr Sant qal dan waqt id-dibattitu ‘Dħul Minimu għal Ewropa ġusta: dritt taċ-ċittadini’ fil-Parlament Ewropew.
"Fejn il-paga minima teżisti fi ħdan il-pajjiżi tal-UE, taħt il-kundizzjonijiet ekonomiċi favorevoli ta’ issa, il-paga minima nazzjonali għandha tiżdied b’tal-inqas 5%," saħaq Sant.
“Il-konsum privat kiber. L-esportazzjoni u l-investiment kibru. Il-qgħad qed ikompli jonqos u qiegħed viċin il-livelli ta’ qabel il-kriżi monetarja. Il-profitti tal-korporazzjonijiet żdiedu. Id-defiċit pubbliku u l-livelli tad-dejn qegħdin taħt kontroll. Iżda it-tqassim ta’ dan it-titjib ekonomiku mhux qed jitqassam tajjeb biex jilħaq il-klassi tal-ħaddiem u l-klassi tan-nofs; hawnhekk id-defiċit qed ikompli jikber," kompla Sant.
Insista li f’ħafna mill-każijiet fejn il-paga minima nazzjonali teżisti fl-Ewropa, xorta hija ħafna aktar baxxa mill-paga li wieħed jeħtieġ biex jgħix, waqt li saħaq li d-diverġenzi bejn dawk li jaqilgħu l-aktar u dawk li jaqilgħu l-inqas baqgħet tiżdied.
"Dan mhux ġust," temm jgħid Sant.