Erġajna! Jitneħħa l-istrixxun b'wiċċ Daphne minn quddiem il-Qorti

L-istrixxun tpoġġa nhar it-Tlieta filgħaxija, waqt manifestazzjoni fl-ewwel sena mill-qtil ta' Caruana Galizia

Għal darb'oħra, matul il-lejl li għadda tneħħa l-istrixxun kbir li tpoġġa quddiem il-Qorti b'wiċċ Daphne Caruana Galizia u l-bandiera Maltija.

L-istrixxun tpoġġa nhar it-Tlieta filgħaxija, waqt manifestazzjoni fl-ewwel sena mill-qtil ta' Caruana Galizia. Dan tpoġġa fuq strixxun ieħor iddisinjat apposta sakemm isir xogħol ta' restawr fuq il-Monument tal-Assedju l-Kbir.

Mal-istrixxun tneħħew ukoll il-fjuri u x-xemgħat li tpoġġew matul l-aħħar jiem, mhux biss minn dawk li attendew il-manifestazzjoni, iżda anke mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u minn rappreżentanti ta' għaqdiet internazzjonali li jaħdmu favur il-libertà tal-espressjoni.

Din mhux l-ewwel darba li tneħħew il-fjuri u x-xemgħat tant li l-attivist Manuel Delia kien fetaħ Kawża Kostituzzjonali  kontra l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici u d-Direttur Ġenerali responsabbli mid-Dipartiment tat-Tindif, Ramon Deguara.

Dan wara li kien sar magħruf li kienu ħaddiema tal-Gvern li kienu qed ineħħu l-istrixxuni, il-fjuri u x-xemgħat.

More in Politika