Sitt organizzazzjonijiet iridu lill-PM jwaqqa' l-libelli kontra Daphne
L-organizzazzjonijiet saħqu li l-Prim Ministru lest jilqa' t-talba għal monument li jfakkar lil Caruana Galizia
minn Yendrick Cioffi
Is-sitt organizzazzjonjiet li jaħdmu biex jipproteġu d-drittijiet tal-ġurnalisti u d-dritt fundamentali tal-espressjoni u li fl-aħħar jiem kienu Malta, ippubblikaw ir-riżultati preliminari taż-żjara tagħhom f'Malta u wrew it-tħassib tagħhom għall-fatt li l-Prim Ministru Joseph Muscat għad għandu libelli kontra Daphne Caruana Galizia u binha Matthew.
L-organizzazzjonijiet saħqu li waqt il-laqgħa li kellhom mal-Prim Ministru semmewlu dawn iż-żewġ libelli u hu spjega li l-libell li fetaħ kontra Caruana Galizia kien l-ewwel wieħed li fetaħ kontra ġurnalist fil-karriera kollha tiegħu u li l-libell kontra Matthew Caruana Galizia fetħu minħabba li rrepeta dak li kienet kitbet ommu.
L-NGOs insistew li huwa ta' tħassib li politiku jkompli bil-libelli kontra ġurnalista anke wara mewtha u insistew li anke organizzazzjonijiet oħra li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem tkellmu kontra dan.
Insistew li f'Malta, il-libelli qed jintużaw "eċċessivament" biex jagħlqu ħalq il-ġurnalisti.
'L-awtoritajiet mhux juru urġenza biex ikun solvut il-każ'
Dwar l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia wrew ukoll it-tħassib tagħhom għax fi kliemhom ma kien hemm l-ebda progress wara l-arrest ta’ tliet persuni akkużati bil-qtil tagħha
Saħqu li agħar minn hekk huwa l-fatt li l-awtoritajiet donnhom qed jikkuntentaw b’dawn l-arresti u ma wrew l-ebda urġenza biex il-każ ikun konkluż u jinstab il-mandant jew mandanti.
Qalu li huma mħassba wkoll għax diversi persuni li kienu fil-mira tal-kitba ta’ Caruana Galizia u anke kollegi tagħha li jistgħu jkollhom informazzjoni importanti, baqgħu qatt ma ġewx mistoqsija.
“Nikkonkludu li l-awtoritajiet Maltin mhux qed jikkunsidraw b’mod serju l-fatt li Caruana Galizia setgħet inqatlet minħabba l-iskrutinju tagħha fuq kwistjonijiet politiċi jew ta’ negozju.”
'Il-PM lest jilqa' t-talba għal monument li jfakkar Caruana Galizia'
Ikkritikaw ukoll dawk li huma qed isejħu bħala 'kampanji ta' vilifikazzjoni,' kontra Caruana Galizia fosthom it-tneħħija tal-'mafkar' quddiem il-Qorti.
Saħqu li l-Prim Ministru lanqas ma tahom assigurazzjoni li t-tneħħija tal-fjuri u x-xemgħat mhux se tibqa' s-seħħ u li 'l-mafkar ikun protett.'
Madanakollu qalu wkoll li l-Prim Ministru qalilhom li jaċċetta applikazzjoni biex isir monument permanenti li jfakkar lil Caruana Galizia.
Saħqu li minkejja kritika li rċieva minn għaqdiet lokali u internazzjonali, waqt il-laqgħa l-Prim Ministru baqa' ma kkomettix ruħu li jitlob għar-riżenja ta' Jason Micallef minn Ċerpersin tal-Valletta 2018.
'Fl-interess pubbliku li l-ġurnalisti jintervistaw u jsaqsu lill-Prim Ministru'
L-organizzazzjonijiet qalu wkoll li filwaqt li l-Prim Ministru jkun disponibbli għall-midja waqt attivitajiet pubbliċi u anke waqt intervisti live fuq Facebook, mhux l-istess jgħodd għal waqt il-konferenzi tal-aħbarijiet.
"Diversi ġurnalisti minn kmamar tal-aħbarijiet differenti lmentaw li ma ngħatawx il-permess li jintervistaw lill-Prim Ministru fl-aħħar sentejn," ikomlu jisħqu l-għaqdiet.
Komplew jgħidu wkoll li diversi ġurnalisti ilmentaw li l-aċċess għall-informazzjoni minn dejjem kienet problema, iżda din iggravat fi żmien din l-amministrazzjoni.
X'qed jirrikmandaw?
L-organizzazzjonijiet qed jirrikmandaw lill-Prim Ministru biex:
- Tinfetaħ mingħajr dewmien inkjesta pubblika indipendenti dwar il-qtil ta' Caruana Galizia
- Tingħata assigurazzjoni li ssir investigazzjoni sħiħa u komprensibbli dwar il-qtil ta' Caruana Galizia
- Iżomm kelmtu mad-delegazzjoni u jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-'Venice Commission'
- Jippermetti li jkun intervistat mill-midja indipendenti
- Jassigura ambjent sigur għal min irid jipprotesta, partikolarment jipproteġi l-'mafkar' quddiem il-Qorti
- Jipprojbixxi li libelli jispiċċaw jaqgħu fuq l-eredi
- Li l-uffiċjali pubbliċi jippermettu li jkunu skrutinizzati mill-ġurnalisti mingħajr biża' li se jaqilgħu libell
- Jiggarantixxi l-libertà tal-informazzjoni b'konformità mal-istandards internazzjonali.
Fost oħrajn l-għaqdiet iltaqgħu wkoll mal-Ministru għall-Ġutizzja Owen Bonnici u mal-Avukat Ġenerali Peter Grech, flimkien ma' għadd ta' attivisti u ġurnalisti minn diversi kmamar tal-aħbarijiet.
Is-sitt għaqdiet huma:
- Reporters Without Borders (RSF);
- The Committee to Protect Journalists (CPJ);
- The European Centre for Press and Media Freedom (ECPMF);
- The European Federation of Journalists (EFJ);
- The International Press Institute (IPI);
- u PEN International.