'Delegazzjoni mill-Ġappun ġejja Malta biex tara l-ħidma tal-Gvern fuq il-blockchain'

Il-Prim Ministru qal li dwar iż-żjara tkellem ukoll mal-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe

"Delegazzjoni mill-Ġappun se tkun qed iżur pajjiżna biex tara l-ħidma li qed jagħmel il-Gvern Malti fil-qasam tal-blockchain." Ħabbar dan il-Prim Ministru Joseph Muscat f’kummenti li ta fl-aħħar jum tal-Forum bejn il-pajjiżi tal-Asja u dawk Ewropej, l-ASEM 12, li qed jiltaqa’ bħalissa fi Brussel.

Huwa qal li din iż-żjara setgħet tkun possibbli grazzi għal żjara oħra li saret, din id-darba mill-Gvern Malti, ftit ġimgħat ilu, f’Tokyo, il-Ġappun.

“Dwar dan iż-żewġ żjarat, erġajt tkellimt illum stess mal-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe,” qal Dr Muscat. “Il-punt li għamilna huwa li Malta tista’ toffri dik l-opportunità lil dawn il-pajjiżi u bosta pajjiżi oħra, kemm Ewropej, kif ukoll Ażjatiċi biex inħarsu lejn il-futur. Semmejna l-qasam tal-blockchain li pajjiżna qed jirreloga, u f’dan il-qasam qed niġbdu l-attenzjoni.”

Dwar it-teknoloġija tal-Intelliġenza Artifċjali Dr Muscat qal li l-Gvern qed jaħdem biex dan il-qasam ukoll ikun irregolat, sabiex ikun hemm qafas regolatorju li jattira aktar investiment u interess lejn pajjiżna.

Fl-aħħarnett il-Prim Ministru tenna li dan is-Summit huwa “eċitanti ħafna għal Malta mhux biss għax hawn il-partners Ewropej ta’ pajjiżna, imma anke għax fih hawn uħud mill-aktar pajjiżi importanti  strateġikament għall-ekonomija ta’ Malta.”

Dawn jinkludu lil Singapore, iċ-Ċina u l-Ġappun li għandu t-tielet l-ikbar ekonomija fid-dinja.

More in Politika