Jammetti li gideb lill-Proġett Daphne dwar il-Ministru Cardona
Rapport ieħor tal-Proġett Daphne jitpoġġa f'dubju hekk kif ix-xhud li kien qal li ra lil Cardona jixrob mal-'Fulu' ammetta li gideb
More in Politika
Rapport ieħor tal-Proġett Daphne jitpoġġa f'dubju hekk kif ix-xhud li kien qal li ra lil Cardona jixrob mal-'Fulu' ammetta li gideb
Ix-xhud li kien qal lill-Proġett Daphne li kien ra lill-Ministru Chris Cardona jixrob u jitkellem ma’ Alfred Degiorgio, ftit ġimgħat wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, ammetta mal-Pulizija li kien gideb.
Aktar kmieni din is-sena, il-Proġett Daphne, grupp ta’ ġurnalisti investigattivi minn madwar id-dinja li jaħdmu għal gazzetti ta’ stoffa, bħan-New York Times, The Gurdian, La Monde, u oħrajn, kienu rrappurtaw li l-Ministru Cardona deher jixrob f’bar fis-Siġġiewi ma’ wieħed mill-allegati qattiela ta’ Caruana Galizia.
Madanakollu, il-gazzetta oħt MaltaToday, żvelat kif dan ix-xhud qal lill-Pulizija li mhux minnu li ra lil Cardona u lil Degiorgio flimkien. Qal biss li ra lill-Ministru u lil Degiorgio f’dan il-bar iżda f’okkażjonijiet differenti u mhux flimkien.
Fuq Radio France, ix-xhud kien ikkwotat jgħid li ra lil Degiorgio u lill-Ministru jitkellmu flimkien fil-bar u joħroġu mill-istess bar flimkien. Kien intqal ukoll li kien Deputat Nazzjonalista li laqqa’ lix-xhud mal-ġurnalisti.
Waqt l-interrogazzjoni, huwa qal li meta ġurnalisti Franċiżi kienu rritornaw biex jistaqsuh aktar informazzjoni, kien talabhom jitilqu.
Intant, ħmistax ilu, il-gazzetta Taljana La Repubblica irrapportat li ċertu Pierre Darmanin, li għamel żmien suspettat bi traffikar tal-fjuwil u li ismu kien deher fi blogg ta’ Caruana Galizia, kien ċempel lil Degiorgio u lill-Ministru Cardona, ftit wara li ċempel lil Caruana Galizia biex jiċċara xi punti minn dak li kienet kitbet dwar.
Iżda, l-ġimgħa li għaddiet, anke dan ir-rapport tpoġġa f’dubju hekk kif il-ġurnat The Malta Independent irrapporta li t-telefonata mhux vera saret.