Fil-bidu tad-diskors tal-Baġit għas-sena d-dieħla, il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna, ħabbar li għal sena oħra, il-Gvern se jkun qiegħed jagħmel surplus ta’ 1.3% jew inkella ta' €165 miljun.
Il-Ministru kkonferma wkoll dak li żvelat ilbieraħ il-Gazzetta ILLUM, jiġifieri li anke jekk il-Gvern ineħħi d-dħul tiegħu mill-Individual Investors Programme, jew inkella, kif inhu magħruf, il-bejgħ tal-passaporti, il-Gvern xorta waħda se jkun qiegħed jirreġistra surplus.
Aktar kmieni llum sar magħruf li l-pajjiż irreġistra surplus ta' €392.7 miljun, ekwivalenti għal 3.5% tal-GDP.
Anke jekk surplus ifisser li l-Gvern ikun qed idaħħal aktar milli qiegħed joħroġ, il-Ministru Scicluna qal li n-nefqa kapitali se tkun qed tiżdied ukoll b’26%.
Scicluna kompla jgħid li l-pajjiż mistenni wkoll ikompli jirreġistra tkabbir ekonomiku li hu stmat li se jlaħħaq il-5.3 jew inkella €13-il biljun.
L-inflazzjoni mistennija tkun ta’ 1.9%.
Kif ħabbret ukoll il-Gazzetta ILLUM, il-Ministru Scicluna insista li dan se jkun it-tielet Baġit konsekuttiv mingħajr taxxi.