Baġit | L-ewwel reazzjoni tal-mexxejja politiċi
Il-PM Muscat iħabbar ukoll li se jibqgħu jingħataw benefiċċji soċjali lil dawk li jiddieċiedu li jibdew jistudjaw
minn Albert Gauci Cunningham / Yendrick Cioffi
Immedjatament wara li ntemm il-Baġit, il-mexxejja politiċi indirizzaw konferenzi tal-aħbarijiet bl-ewwel reazzjoni tagħhom għall-Baġit tas-sena d-dieħla.
'Dan il-baġit qed jagħti u mhu qed jieħu xejn' - Joseph Muscat
Fl-ewwel diskors tiegħu ftit wara li tħabbar il-baġit, il-Prim Ministru Joseph Mucat għamel elenku tal-miżuri tal-baġit.
'Dan il-baġit qed jagħti u mhu se jieħu xejn,' sostna Muscat li ħabbar ukoll illi lil dawk li ħadmu jew investew fil-Libja se jingħataw ċans li jirregolarizzaw is-sitwazzjoni tagħhom.
"Se ngħinu lil dawk li jmorru jistudjaw imma jkunu fuq il-benefiċċji, billi nibqgħu nagħtuhom il-benefiċċji filwaqt li xorta jkunu qed jieħdu l-istipendju."
Hu ħabbar li se jiżdied ukoll l-In Work Benefit.
'Iż-żieda ta' €2.33 diġà ttieklet biż-żidiet tal-aħħar xhur' - Adrian Delia
L-ewwel reazzjoni tal-Oppożizzjoni għal dan il-Baġit kien li kulħadd se jibqa’ fejn kien għax fi kliem il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, dan il-Baġit mhuwiex “game changer” u lanqas ma jipprovdi pjan ekonomiku.
“Min ma jaffordjax jikri se jibqa’ ma jiflaħx iħallas, min irid jixtri proprjetà se jibqa’ jsibha għolja u l-banek li jirrifjutawh, min hu pensjonant se jibqa’ ma jistax ilaħħaq mal-ħajja, min qed jiffaċja problema ta’ kriminalità fil-lokalità fejn jgħix se jibqa’ jiffaċjaha,” saħaq delia.
Insista li l-Gvern ma jistax jibqa’ jaħrab mill-problemi tiegħu stess. Saħaq li tant hu hekk li l-Gvern beda jammetti wħud mill-problemi li ħoloq hu stess, fosthom dawk taċ-cheap labour, il-pensjonijiet mhux adegwati, pressjoni fuq il-pagi, prezzijiet għolja tal-kera, arja maħmuġa u problemi fl-edukazzjoni u s-saħħa. Fi kliem Delia, dan huwa Baġit li "jipprovdi miżuri kożmetiċi iżda jaħbi l-problemi veri."
Kien hawn li saħaq li ż-żidiet li jsemmi l-Gvern fil-Baġit “diġà ttieklu qabel waslu għandek,” waqt li semma żidiet, fosthom skontu fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib, tal-petrol u oħrajn.
Tul ir-reazzjoni tiegħu insista li l-pressjonijiet se jippersistu sakemm il-Gvern jibqa’ jibbaża t-tkabbir tal-ekonomija fuq iż-żieda tal-popolazzjoni, fosthom b’ħaddiema li jikkuntettaw b’pagi baxxi.
Dwar it-traffiku u l-infrastruttura, insista li l-Gvern mhux qed jibni toroq ġodda imma qiegħed jirranġa toroq li diġà jeżistu. “Jekk teħel fit-traffiku se tibqa’ teħel fit-traffiku,” qal Delia.
Qal ukoll li fejn tidħol l-akkomodazzjoni soċjali, il-Gvern qed jibqa’ jirriċikla wiegħdi li ħabbar minn baġit għall-ieħor.
Temm jgħid li l-Gvern ma għandux bżonn idaħħal taxxi fil-Baġit għax iżidhom tul is-sena, waqt li semma ż-żieda fil-prezz tal-gass, tal-petrol u dak li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jirreferi għalih bħala "serq" fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
'Żieda ħaqq xirja ta' ftit ġobon, ħobż u ftit ħalib' - Godfrey Farrugia
Il-Partit Demokratiku saħaq li kien qiegħed jistenna żieda aħjar fil-pagi meta wieħed jikkunsidra s-surplus li qiegħed jagħmel il-pajjiż.
Fl-ewwel kummenti tiegħu wara l-Baġit, il-Kap tal-Partit Demokratiku, Godfrey Farrugia, saħaq li ż-żieda mħabbra fil-Baġit hija ħaqq Lira, jew inkella, fi kliemu stess, "ħaqq xirja ta' ftit ġobon, ħobż u ftit ħalib."
"Fl-aħħar tal-ġimgħa kemm se jifdlilkom surplus fil-bwiet tagħkom?" satqsa Farrugia. "Se jkollok surplus għal aktar ħin mal-familja tiegħek, biex tgawdi ambjent aktar b'saħħtu?"
Insista li xtaq li kieku ħareġ mill-Parlament jaf li l-poplu Malti se jkun aħjar.